Il-Ministeru jitlob lill-MUT terġa’ tikkunsidra d-direttiva li ma jsirux l-eżamijiet

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab lill-Union Maltija tal-Għalliema sabiex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni biex jiġu sospiżi d-direttivi tal-MUT li qed iwaqqfu l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fl-iskejjel sekondarji kollha.

Dan qalu fi stqarrija fejn ġie spjegat li l-Union qed tagħti impressjoni skorretta li hemm il-maġġoranza tal-għalliema tas-sekondarja li għandhom il-piż massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Il-Ministeru tenna wkoll li mhux ġust li l-MUT ma semmietx li tnaqqset lezzjoni lill-għalliema kollha grazzi għall-ftehim settorjali.

Aqra: L-MUT tikkonferma li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika mhux se jsiru

Il-Ministeru kompla jgħid li hekk biss 11-il għalliem minn 176 tal-Malti, u wieħed minn kull erba’ għalliema tal-Matematika, li għandom 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Spjega li mill-għalliema fl-iskejjel medji u sekondarji, huma biss 3.5% li għandhom il-load massimu u insista li propju għalhekk huma każijiet uniċi.

Din l-istqarrija ġiet hekk kif ilbieraħ l-MUT ħabbret b’mod uffiċjali li l-eżamijiet ta’ tmiem is-sena tal-Malti u tal-Matematika tas-snin kollha fl-iskejjel sekondarji mhux se jsiru. Dan wara li ttieħed vot unanimu mill-membri affettwati u wara diskussjoni mal-Kunsill tal-MUT. Ir-raġuni li tat għal dan hija li l-għalliema taż-żewġ suġġetti ilhom fuq sena jitgħabbew b’wisq xogħol, u minkejja l-isforzi tal-MUT biex din it-tagħbija tittaffa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni “baqa’ jkaxkar saqajh” u baqa’ “jiggrava” s-sitwazzjoni minflok ma jtejjibha.

Aqra: “Ċans kbir li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika ma jsirux” – Bonnici

“Diġà ħadna numru ta’ azzjonijiet” – Il-Ministeru

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni kompla jgħid li l-MUT qed tfalli wkoll milli ssemmi li mid-data tad-direttiva tagħha, il-Ministeru ħa numru ta’ azzjonijiet, inkluż għamel sejħa għall-għalliema fejn saħansitra diġà ġew ingaġġati l-għalliema kollha eliġibbli tal-Malti u l-Matematika. Qal li s-sejħa se tibqa’ miftuħa wkoll matul is-sena.

“Qed nitolbu l-intervent tal-Prim Ministru” – MAPSSS

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti tal-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) qed titlob sabiex il-Prim Ministru Joseph Muscat jintervjeni sabiex jiggarantixxi li l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena tal-Malti u tal-Matematika jsiru fil-ġranet miftehmin u jserraħ ras l-istudenti u l-ġenituri.

Aqra: “Xbajna nistaqsu humiex se jsiru l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika” – omm

L-Assoċjazzjoni sostniet li minħabba n-nuqqas ta’ ftehim, l-istudenti spiċċaw vittmi ta’ sitwazzjoni li ma għandhomx x’jaħtu għaliha. Sostniet li minħabba d-deċiżjoni li l-istudenti mhux se jitħallew jagħmlu l-eżamijiet u lanqas se jingħataw marka ta’ assessjar ibbażata fuq ix-xogħol ta’ matul is-sena, huma se jitħallew fil-għama dwar il-prestazzjoni tagħhom fuq dawn iż-żewġ suġġetti ewlenin.