Il-perit mhux obbligat japprova l-uffiċjal tekniku fuq sit tal-kostruzzjoni; Il-KTP sodisfatta

Il-Kamra tal-Periti qalet li hija issa tapprova r-regolamenti l-ġodda introdotti fl-Avviż Legali 136 dwar l-Evitar tal-Ħsara għall-Propjetà ta’ Terzi ladarba dan ġie emendat permezz tal-Avviż Legali 180, li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju. Din l-emenda neħħiet l-obbligu li l-perit tal-proġett japprova l-uffiċjal tekniku fuq is-sit appuntat mill-kuntrattur.

Lil hinn minn hekk, fi stqarrija, il-Kamra qalet li l-Avviż Legali issa wessa’ l-kompetenzi meħtieġa biex persuni jipprovdu dan is-servizz, peress li dan illum jinkludi lil dawk li għandhom Baċellerat fl-Inġinerija.

Aqra: “Ir-reġistrazzjoni, liċenzjar u klassifikazzjoni tal-kuntratturi huma neċessarji” – KTP

Il-Ministeru għall-Infrastruttura laqa’ l-irtirar tad-direttiva tal-Kamra tal-Periti kontra l-liġi l-ġdida tal-kostruzzjoni issa li l-Kamra tal-Periti laqgħet ir-riforma.

Il-KTP spjegat li fil-perjodu bejn il-pubblikazzjoni taż-żewġ Avviżi Legali, il-Kunsill tal-Kamra tal-Periti ħadem bla heda sabiex jiżgura li l-interessi tal-professjoni jkunu salvagwardjati, u li s-sigurtà tal-pubbliku tiġi l-ewwel. Fakkret fl-oġġezzjonijiet primarji tal-Kamra dwar il-fatt li l-periti huma l-uniċi persuni fuq is-siti tal-kostruzzjoni li huma rregolati.

Aqra: Nuqqas ta’ ċarezza fir-regolamenti mħabbra mill-Ministru – KTP

Stqarret li l-Gvern huwa kommess għal numru ta’ prinċipji, skont Ittra ta’ Impenn imressqa lill-Kamra lbieraħ. Fost il-prinċipji hemm li tiġi stabbilita awtorità li tirregola l-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni u li dan se jinkludi qafas ġdid ta’ regolamenti tal-bini u tal-kostruzzjoni li b’mod ġenerali jsegwu l-proposti li ppubblikat il-Kamra f’Mejju li għadda. Dan apparti r-reġistrazzjoni, liċenzjar u klassifikazzjoni tal-kuntratturi u tal-ħaddiema fuq is-siti tal-kostruzzjoni, skont il-proposti tal-Kamra.

Apparti dan, ir-regolamenti l-ġodda għandhom jiddefinixxu ir-responsabbiltajiet ta’ kull persuna fuq sit tal-kostruzzjoni, iżda sakemm dawn jidħlu fis-seħħ, il-Kamra tal-Periti se
toħroġ qafas kuntrattwali li jista’ jintuża mill-periti.

AqraAġġornata: Il-proposti tal-Gvern iħawdu mhux jassiguraw – KTP

Il-KTP semmiet ukoll illi l-Gvern ikkommetta ruħu li jpoġġi għall-proċess Parlamentari l-emendi għall-Att dwar il-Periti li jirregola l-professjoni.

Il-Gvern qal li huwa kommess sabiex fiż-żmien li ġej iħejji liġi ġdida li tkompli tiċċara l-obbligi tal-partijiet interessati li jinkludu sidien, periti, kuntratturi, sub kuntratturi u konsulenti, u uffiċjali tas-sigurtà fost l-oħrajn. Il-Gvern kommess ukoll li eventwalment dawk kollha li jagħtu servizz lill-industrija jkunu mhux biss f’reġistru iżda jkunu anke kkwalifikati.