“Il-Ministeru għat-Turiżmu qed jerġa’ jpoġġi l-profitti qabel is-saħħa” – MAM

Il-MAM tikkunsidra li terġa' taddotta d-direttivi ta' azzjoni industrijali

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li l-aġir tal-Ministeru tat-Turiżmu ma jitwemminx imma huwa veru, u li dan qed jerġa’ jpoġġi l-profitti qabel is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin. L-Assoċjazzjoni qalet dan b’referenza għall-avviż legali maħruġ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li jippermetti lill-bars jibqgħu miftuħin ġaladarba dawn ma jservux xorb biss, imma jservu anke, pereżempju, pakkett krisps.

Il-Kunsill tal-MAM se jiltaqa’ llum biex jiddeċiedi għandux jerġa’ jieħu azzjoni industrijali.

Fil-fehma tal-MAM, il-Gvern għandu joffri kumpens finanzjarju lill-bars u l-klabbs u mhux jaġixxi b’mod irresponsabbli u jipperikola ħajjiet in-nies.

Fi stqarrija kmieni dalgħodu, l-Assoċjazzjoni qalet li l-avviż legali huwa għalkollox differenti minn dak li tħabbar mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci fil-konferenza li indirizzat mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li fiha ħabbru l-miżuri l-ġodda nhar it-Tnejn li għadda li jidħlu fis-seħħ illum.

Il-MAM spjegat li f’dil-konferenza ġie mifhum li l-bars li għandhom liċenzja li jaħdmu bħala ristorant ukoll biss se jitħallew jagħmlu dan, billi bars fejn in-nies joqogħdu bilwieqfa, mhux bħal f’ristorant, għandhom aktar probabbiltà ta’ tixrid ta’ mikrobi. Il-MAM insistiet li li bar joffri pakkett krisps max-xorb ma jibdilx il-liċenzja tat-tali post, u lanqas il-ġenetika ta’ virus.

“Min kiteb l-abbozz tal-avviż legali qed jinsulenta l-intelliġenza tal-Maltin,” saħqet il-MAM.

L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li billi ppromwova l-parties, il-Ministeru tat-Turiżmu kien responsabbli li kkawża epidemija kbira f’Malta b’waħda mill-ogħla rati ta’ każijiet ta’ kuljum fl-Ewropa. Filwaqt li rrikonoxxiet l-istqarrijiet tal-Prim Ministru fil-pubbliku fejn inkoraġġixxa d-dixxiplina, il-MAM qalet li dawn l-istqarrijiet m’għandhomx ikunu skuża ċinika sabiex ma tittiħidx d-deċiżjoni responsabbli biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus. L-uffiċjali tal-MTA għandhom jirrealizzaw li jistgħu jitfittxu għad-danni jekk il-pazjenti jimirdu serjament u jmutu, ladarba dawn injoraw dak li qalet is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, sostniet il-MAM.

Issa tikkunsidra li terġa’ tieħu azzjoni industrijali
Il-MAM tissospendi l-azzjonijiet industrijali wara li tħabbru l-miżuri