L-għajdut dwar ir-reżenja “invenzjoni totali” – Prof. Gauci

Aġġornat 11:15 AM

Read in English.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-għajdut dwar ir-reżenja tagħha huma “invenzjoni totali”.

F’dawn l-aħħar jiem kienet qed iddur ix-xniegħa li Prof. Gauci rreżenjat mill-kariga fil-qalba tal-pandemija tal-coronavirus. Il-Ministeru għas-Saħħa ċaħad li s-Supretendent għas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci rreżenjat mill-kariga tagħha.

Aktar tard Prof. Gauci ħarġet stqarrija fuq il-profil tagħha fuq Facebook.

Qalet li kull vokazzjoni tirrikjedi sagrifiċċji.

“Ninsabu f’salib it-toroq u jien se nibqa’ nservi fir-rwol importanti b’responsabbiltà u lealtà sħiħa kif dejjem għamilt. L-għajdut li rreżenjajt, jew li kont se nirreżenja huma invenzjoni totali. Il-koperazzjoni tal-pubbliku u r-rispett mill-awtoritajiet, irrispettivament minn liema ambjent ġejjin, li ntwera lejja f’dawn iż-żminijiet kien kruċjali biex flimkien mat-tim tiegħi u l-professjonisti nkunu nistgħu nagħmlu xogħolna bl-ikbar dedikazzjoni, imparzjalità u professjonalità. U hekk se nibqa’ nagħmel,” qalet il-Professur Gauci.

Il-professjoni medika hija mnebbħa minn vokazzjoni. Bħal kull vokazzjoni l-ħidma tirrikjedi sagrifiċċji, dedikazzjoni u…

Posted by Charmaine Gauci on Thursday, May 21, 2020

F’kuntatt ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li huwa “kompletament mhux vera” li Prof. Gauci rreżenjat.

Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-kampanja li bdew xi wħud kontra l-Prof. Gauci laħqet il-qofol tagħha bl-aħbar falza fuq ir-reżenja tagħha. Sostna li l-għajdut se jkompli jsaħħaħ il-ħidma li qed tagħmel Prof. Gauci għal Malta.

Minn din il-ġimgħa, il-konferenza li kienet tagħmel Prof. Gauci ta’ kuljum bl-aġġornamenti fuq il-coronavirus bdiet issir biss it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, meta hija tagħti rendikont tal-każijiet tal-jumejn ta’ qabel.

F’messaġġ imxandar mill-Ministeru għas-Saħħa din il-ġimgħa, Prof. Gauci rringrazzjat lill-poplu Malti tal-appoġġ u talli qed isegwi r-regolamenti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn