Il-Ministeru għas-Saħħa jordna studju dwar il-mediċini għall-ADHD

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li beda studju indipendenti dwar il-mediċina branded għall-ADHD.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru qalet li ma kienx hemm evidenza ta’ xi reazzjoni ħażina għall-mediċina ġenerika li qed tingħata f’Malta u fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministeru kkummissjona l-istudju indipendenti bl-appoġġ ta’ esperti internazzjonali dwar it-trattament għall-ADHD fuq is-suq internazzjonali. Il-kelliema qalet li l-istudju għandu l-għan li jistudja l-każijiet li tqajmu minn dawk li talbu bil-miktub biex jużaw mediċina branded għall-ADHD minflok dik ġenerika.

Reċentament, petizzjoni li bdiet ADHD Malta talbet lill-Gvern biex jieqaf jilgħab bil-mediċini għall-ADHD b’referenza għall-mediċini ġeneriċi li issa jinabu fl-iskema tal-Pharmacy of Your Choice (POYC).

Skont MedicineNet, mediċini ġeneriċi huma kopji ta’ mediċini ‘tad-ditta’ li għandhom l-istess doża, użu, effetti, side effects, mod ta’ amministrazzjoni, riskji, sigurtà, u saħħa daqs il-mediċina oriġinali. Fi kliem ieħor, l-effetti farmakoloġiċi taż-żewġ mediċini huma l-istess eżatt.

Għal rapport dettaljat tista’ tidħol hawn.