Il-Ministeru għas-Saħħa falla milli jiggarantixxi edukazzjoni medika ta’ kwalità – KSU, MMSA

MMSA - KSU Task Force Press Conference

Ministry for Health fails to provide guarantees on quality medical education.

Posted by KSU - Kunsill Studenti Universitarji on Monday, December 14, 2020

Il-Ministeru għas-Saħħa falla milli jiggarantixxi edukazzjoni medika ta’ kwalità. Dan skont il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) u l-Assoċjazzjoni Studenteska tat-Tobba (MMSA). L-introduzzjoni tal-iskola medika ta’ Barts and the London School of Medicine and Dentistry kienet fuq l-agenda tal-MMSA u l-KSU għal numru ta’ snin. Minkejja li l-ebda minn dawn l-entitajiet mhi kontra l-introduzzjoni ta’ skejjel mediċi privati fil-pajjiż, saħqu li għandu jiġi kkunsidrat in-numru limitat ta’ riżorsi f’Malta.

L-MMSA u l-KSU saħqu li t-tħassib tagħhom huwa li meta l-iskola medika ta’ Barts tilħaq in-numru massimu ta’ studenti, se jiżdiedu 180 student ieħor li se jkunu qegħdin jagħmlu użu mir-riżorsi edukattivi tas-saħħa li diġà jinsabu limitati. Fost dawn ir-riżorsi hemm l-istaff akkademiku u dak kliniku, il-ħin fil-klinika, l-infrastruttura u l-pażjenti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu kien spjegat li filwaqt li l-Ministeru tas-Saħħa qiegħed jinsisti li r-riżorsi preżenti huma suffiċjenti, l-esperjenza qabel il-pandemija wriet mod ieħor. Din is-sitwazzjoni kapaċi tmur għall-agħar hekk kif in-numru ta’ studenti fl-iskola ta’ Barts jiżdied.

Minkejja dan, kemm l-MMSA kif ukoll il-KSU kellhom laqgħat ma’ diversi entitajiet konċernati fosthom l-iskola medika ta’ Barts, l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għas-Saħħa. Magħhom ġie diskuss kif jista’ jkun hemm il-preżenza taż-żewġ universitajiet fl-Isptar Mater Dei.

L-MMSA u l-KSU saħqu li minkejja li bħala għaqdiet fil-qasam edukattiv mhix fil-kompetenza tagħhom li jiddiskutu l-aspetti politiċi, ekonomiċi jew finanzjarji ta’ din is-sitwazzjoni, xorta waħda għandhom id-dmir u d-dritt li jiddiskutu l-impatt li potenzjalment se jkun hemm fuq l-istandard tal-edukazzjoni medika li finalment dan ukoll iħalli impatt fuq il-kwalità ta’ servizzi tas-saħħa provduta fil-pajjiż.

Fil-11 ta’ Settembru 2019 huma talbu għall- aċċess għad-dokumenti li jinvolvu qbil bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-iskola medika ta’ Barts, liema talba ġiet miċħuda. Kien għalhekk li ż-żewġ entitajiet studenteski daħlu fi proċess ta’ medjazzjoni mmexxi mid-Deputat Kummissjonarju tal-Uffiċju tal-Informazzjoni u l-Kummissjoni responsabbli mill-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.

L-MMSA u l-KSU qalu li huwa diżappuntanti l-Ministeru għas-Saħħa ma jridx jgħid x’kienu l-kundizzjonijiet ta’ ftehim mal-iskola medika ta’ Barts rigward l-Isptar Mater Dei mar-rappreżentanti li ġew eletti mill-istudenti mediċi fl-Università ta’ Malta. Waqt il-proċess ta’ medjazzjoni, kemm l-MMSA kif ukoll il-KSU staqsew għal sett ta’ proposti sabiex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-edukazzjoni medika fl-Università ta’ Malta. Qalu li l-Ministeru għas-Saħħa ma weġibx b’mod sodisfaċenti għal dawn il-proposti.

Skont dawn iż-żewġ entitajiet, dan ifisser li l-Ministeru għas-Saħħa ma jridx jassigura li l-kwalità tal-edukazzjoni medika li jirċievi l-istudent tal-Università ta’ Malta ma tiġix affettwata b’mod ħażin. Saħqu li m’hemmx lok għal kompromess mal-interess tal-membri tagħhom kif ukoll li l-differenza fil-perspettivi bejn il-Ministeru tas-Saħħa u tal-istudenti mediċi hija li l-entitajiet studenteski qegħdin iħarsu iżjed lejn x’se jiġri ‘l quddiem.

L-MMSA u l-KSU jinsabu ħerqana sabiex ikun hemm diskussjoni kostruttiva ma’ dawk kollha affettwati inkluż il-Ministeru għas-Saħħa sabiex jiġi assigurat ftehim aċċettabbli u sostennibbli.

Il-proposti tal-MMSA u l-KSU

Iż-żewġ għaqdiet komplew billi għaddew xi proposti min-naħa tagħhom. Kien spjega kif mis-sena akkademika 2019 – 2020, studenti mill-Queen Mary University of London (QMUL) bdew jattendu fil-kliniċi f’Malta u Għawdex. Minkejja li bħalissa n-numru ta’ studenti qiegħed minimu, in-numru mistenni li jikber kull sena b’massimu ta’ 60 student kull sena akkademika.

Dan ifisser li l-istudenti taż-żewġ universitajiet se jkunu qegħdin jagħmlu użu mill-istess riżorsi. Għalhekk, kemm l-MMSA kif ukoll il-KSU jridu li tiġi assigurata edukazzjoni medika xierqa għall-istudenti kollha. Biex dan ikun possibbli, l-entitajiet imsemmija ħarġu b’numru ta’ proposti. Fost dawn il-proposti hemm;

L-ewwel proposta: Iż-żewġ universitajiet għandhom jilħqu ftehim fuq il-ħin u l-post allokati kif ukoll fuq il-lista ta’ staff akkademiku involut. Din it-trasparenza tnaqqas il-possibilità li jkun hemm iż-żewġ gruppi f’post wieħed.

It-tieni proposta: Għandu jkun garantit li d-degree Doctor of Medicine and Surgery (MD) mogħti mill-Università ta’ Malta jibqa’ ta’ livell għoli. Għalhekk, għandu jiġi assigurat li l-istudenti ta’ din l-univeristà jkollhom sigħat biżżejjed fil-kliniċi sabiex jilħqu n-numru ta’ sigħat li għandhom bżonn.

It-tielet proposta: Meta huwa possibbli, l-istudenti tal-QMUL għandhom jużaw l-Isptar Ġenerali t’Għawdex minflok l-Isptar Mater Dei.

Ir-raba’ proposta: Għandu jkun hemm minn tal-inqas membru mill-KSU u ieħor mill-MMSA fl-Isteering Committee għall-bini tal-iskola medika ġdida. L-irwol tagħhom ikun li jkunu ta’ vuċi għall-istudenti u li jitkellmu dwar il-preokkupazzjonijiet tagħhom.

Hemm total ta’ 14 -il proposta bl-iskop li l-istudenti mediċi tal-Università ta’ Malta jkollhom edukazzjoni medika xierqa.