Aġġornata: Il-Gvern igiddeb lill-UPE; Il-UPE tgħid li l-Ministeru proteġa aggressur flok lill-vittma

Il-Gvern giddeb lill-UPE meta qalet lil-assistent Kap fil-Higher Secondary tan-Naxxar inbiddlulu l-irwol u r-responsabbiltajiet li kellu.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-Assistent Kap ma ngħatax transfer u għadu jaħdem fil-Higher Secondray bl-istess rwol u responsabbiltajiet li kellu.
Qal ukoll li l-Kap tal-Iskola u l-Prinċipal kienu diġa daħlu fil-każ billi ħadu azzjoni u din ġiet ikkomunikata. Qal ukoll li sitwazzjonijiet bħal dawn jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Iskola jew il-Kulleġġ.
Il-Gvern qal li minħabba li l-każ jinsab għand il-Pulizija, l-unika responsabbilta li nbidlet kienet dik li ma jibqax jagħmel superviżjoni fuq l-uffiċjal tas-sigurtà msemmi fil-każ.
Il-Ministeru temm billi qal li l-iskola lesta tieħu kull pass neċessarju skont kif meħtieġ minnha.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jipproteġi aggressur flok lill-vittma – UPE
L-unjin il-ġdida tal-għalliema, l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE), jidhrilha li f’każ ta’ aggressjoni fuq assistent surmast li qed issegwi mill-qrib, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jipproteġi lill-allegat aggressur minflok lill-allegat vittma.
Skont dak li qalet l-unjin, ġimagħtejn ilu assistent surmast tal-Higher Secondary tan-Naxxar widdeb uffiċjal tas-sigurtà mħaddem minn kumpanija oħra għax dan allegatament kien qed ipejjep fl-iskola u ma kienx qed jaqdi dmiru sewwa.
Jidher li l-uffiċjal imbotta u beda jgħajjat f’wiċċ l-assistent surmast.
Il-UPE qalet li meta l-assistent surmast avża lis-superjuri tiegħu, flok dawn investigaw lill-uffiċjal, interrogaw lill-assistent surmast u hemmhekk ippruvaw jiġġustifikaw l-aġir tal-uffiċjal.
Minnufih l-unjin tkellmet mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri, u talbu investigazzjoni kif sippost.
Minkejja dan, l-unjin ma rċevit ebda risposta, anzi saret taf li l-assistent surmast inbidlulu l-impenji tiegħu u tneħħewlu r-responsabbiltajiet li kellu.
Il-UPE staqsiet lil min qed jipproteġi l-Ministeru, jekk hux lill-aggressur jew lill-vittma, u għaliex qed jibża’ jinvestiga kif sippost.
L-unjin temmet tgħid li mhix teskludi li tieħu azzjonijiet oħra dwar dal-każ.
L-MUT tikkundanna kull aggressjoni fuq l-edukaturi
Sadanittant, l-Unjin Maltija tal-Għalliema kkundannat l-aħbar imxerrda mill-UPE, u sostniet li tikkundanna bla riżervi kull forma ta' attakk kontra l-edukaturi.
Temmet tgħid li -MUT ilha snin tgħin lil numru ta' edukaturi li kellhom każijiet simili u se tkompli tgħin lill-membri tagħha fil-fora kollha possibbli.