Il-Ministeru għall-Edukazzjoni b’sejħa għall-għalliema rtirati – UPE

Miguela Xuereb

L-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li skont ċirkulari li rċeviet datat għall-11 ta’ Diċembru tal-2020, id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni fetaħ sejħa għall-ingaġġ ta’ għalliema rtirati.

L-union qalet li din is-sejħa turi b’mod ċar li m’hemmx biżżejjed għalliema. Sostniet li r-riżorsi umani ta’ din il-professjoni tnaqqsu b’mod sinjifikanti li qed jispiċċaw ikunu kkunsidrati mill-ġdid persuni li rtiraw wara snin twal ta’ servizz.

Il-UPE sostniet li meta kien qed joqrob iż-żmien biex jinfetħu l-iskejjel, hi kienet sostniet li malli dawn jitpoġġew fil-fruntiera, se jkun inevitabbli li se jispiċċaw jimirdu jew fi kwarantina mandatorja. Qalet li dak iż-żmien, din l-oġġezzjoni waqgħet fuq widnejn torrox u issa jidher li huwa tard wisq biex is-sitwazzjoni tkun rimedjata.

L-union qalet li qed tittama li d-deċiżjoni li t-talba tagħha tkun injorata ma twassalx għal detriment tal-istudenti madwar id-dinja. Insistiet li d-deċiżjonijiet li ħadet l-union diġà wasslet għal impatt negattiv fuq l-edukaturi. Staqsiet jekk l-għalliema rtirati hux se jkunu jistgħu jgħallmu bis-sistema teknoloġika li l-Ministeru qed jobbliga lill-għalliema jużaw waqt il-pandemija. L-union kompliet tistaqsi jekk dawn hux se jkunu qed jgħaddu minn taħriġ dwar kif jimmaniġġjaw il-pjattaformi. Staqsiet ukoll jekk hux se jkun hemm rispons biżejjed minn edukaturi rtirati.

Kompliet tgħid kif il-Ministeru spiċċa daru mal-ħajt u qed idur għal edukaturi li għandhom itħallew igawdu l-irtirar tagħhom mill-professjoni b’mod sikur, mingħajr ma jkunu esposti għal periklu.