Il-Ministeru għall-Ambjent jonfoq aktar minn nofs miljun ewro fuq fjuwil

Aġġornat 06:25 PM

Terz ta' miljun jintużaw mill-inċineratur

Il-Ministeru għall-Ambjent nefaq aktar minn nofs miljun ewro fuq fjuwil minn Jannar sa Lulju ta’ din is-sena.

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia meta mistoqsi dwar dan mill-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni David Thake fil-Parlament.

Iċ-ċifra totali li ta l-Ministru kienet ta’ €569,885. Din hija n-nefqa globali fuq fjuwil fil-Ministeru tal-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u tal-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Jannar ta’ din is-sena sax-xahar li għadda.

In-nefqa saret b’dan il-mod:

  • Ministeru għall-Ambjent: €3,016
  • Ambjent Malta: €17,649
  • Wasteserv Malta: €503,711 – dawn jinkludu €300,000 għall-inċineratur
  • Awtorità tal-Ippjanar: €33,686
  • Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent: €11,087
  • Awtorità Maltija għar-Riżorsi: €555
  • Aġenzija għar-Riżorsi u Riċiklaġġ: €179.30

F’Jannar li għadda, il-Ministeru għall-Ambjent għadda minn idejn il-Ministru José Herrera għal għand il-Ministru Aaron Farrugia.