Il-mini se jservu lid-db – 15-il NGO

Read in English.

15-il għaqda iffirmaw stqarrija li fiha qalu li l-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta biex tibni erba’ mini lokali fl-inħawi ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan se jsiru biex iservu lill-Grupp db u mhux biex jitħaffef it-traffiku jew biex iservi aħjar lir-residenti tal-lokal.

Ħmistax-il għaqda flimkien ma’ grupp ta’ residenti minn Pembroke u s-Swieqi qed jagħmlu twissija dwar il-pjanijiet li fi stqarrija qalu li dawn se jservu lill-iżviluppaturi l-kbar.

Huma stqarrew li peress li dawn il-pjanijiet inżammu mistura mill-pubbliku sal-aħħar minuta qabel ma’ nfetaħ il-perjodu għall-oġġezzjonijiet, huwa ċar li l-perjodu ta’ żmien ma kienx biżżejjed biex il-poplu jifhem l-implikazzjonijiet tagħhom.

AQRA: Infrastructure Malta m’għandhiex tħalli pjanti ‘sigrieti’ – l-Ombudsman

Qalu li issa li ġew żvelati, jidher iktar ċar li dan il-proġett ftit li xejn se jservi biex itaffi l-problemi serji tat-traffiku li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti.

Spjegaw li t-triq li se tinbena biex twassal għall-mina se teqred l-inħawi naturali ta’ St Patrick’s f’Pembroke u l-mina ta’ 1.5 kilometru se tiġi mibnija taħt sit tan-Natura 2000 u x’aktarx ikollha impatt negattiv kemm fejn jidħol it-tniġġis mill-ħsejjes kif ukoll fuq il-biodiversità tal-ilma ħelu.

AQRA: Erba’ mini ġodda biex jonqos it-traffiku lejn San Ġiljan

L-Istqarrija Stampa Konġunta kienet iffirmata minn:

–      Grupp ta’ residenti minn Pembroke u s-Swieqi

–      15-il għaqda: Archaeological Society of Malta, Attard Residents Environmental Network, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Green House, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association Malta, Triq l-Għarbiel Residents Group u Żminijietna – Voice of the Left