Il-mini f’qagħda tajba iżda qed issirilhom manutenzjoni – Borg

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega fil-Parlament li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-erba’ strutturi tal-mini li jeżistu f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni.

Fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Ministru qal li l-erba’ strutturi flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri tas-sistema ta’ toroq arterjali li hawn fil-pajjiż, bl-eqdem mina tkun dik Ta’ Ġiorni, li nbniet fl-1967, waqt li l-mini f’Tal-Qroqq huma l-iżjed riċenti u nbnew fl-1996.

Huwa qal li minn studji tekniċi li ġew ikkummissjonati ħareġ li għalkemm strutturalment jinsabu f’qagħda tajba, il-mini jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet. Fost affarijiet oħrajn irriżulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal hija antikwata u jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurtà u dawk ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ ta’ emerġenza.

Wara tindifa lill-ħitan biex jitneħħa n-nugrufun li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin se jsiru tiswijiet tal-istruttura tagħhom u tinbidel is-sistema tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin. Il-ħitan se jinksew b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien.

Bis-sistema l-ġdida li se tiġi nstallata l-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom.

F’kull mina se tinbena kamra tal-kontroll li minnha jiġu kkontrollati sistemi ġodda ta’ cameras, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ emerġenza. Dawn se jkunu wkoll imqabbdin maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Il-cameras se jkollhom sistema li awtomatikament tinforma lill-awtoritajiet jekk ikun hemm diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina, biex tintbagħat l-għajnuna minnufih. 

Il-ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina se jiġi mtejjeb b’diversi apparat bħalma huma bibien reżistenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħal dak li nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina se jiġu nstallati wkoll sistemi ta’ kanen li l-pumpieri jkunu jistgħu jgħaqqdu magħhom għal provvista tal-ilma minn fuq il-post stessu apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire extinguishers.

Anke l-faċċata ta’ kull waħda mit-tmien mini se jsirulha tiswijiet fil-ġebla u se tingħata dehra aħjar estetikament. B’hekk, kuntrarjament għall-istat li jinsabu fihom bħalissa, l-ambjent u d-dehra tagħhom ikunu jilqgħuk minn qabel tidħol fihom. 

Waqt li x-xogħlijiet ta’ dan il-proġett bdew f’Awwissu fl-erba’ strutturi f’daqqa, dan mistenni jieħu ż-żmien biex jitlestew hekk kif xogħol fihom qed isir fi tmiem il-ġimgħa u bil-lejl billi dawn il-mini jinsabu f’rotot kruċjali għas-sistema tal-ivvjaġġar u minnhom jgħaddu ħafna karozzi.