Il-mini f’Pembroke u San Ġiljan se jżidu mal-pressjoni tal-proġett tad-db – PD

Read in English.

Il-Partit Demokratiku qal li l-mini li qed jippjana l-Gvern permezz ta’ Infrastructure Malta għall-inħawi ta’ Pembroke, San Ġiljan, is-Swieqi u San Ġwann se jżidu mal-pressjoni tal-infrastruttura maħluqa mill-proġetti l-kbar tal-Grupp db u tal-Corinthia, fost l-oħrajn.

Xi jiem ilu, Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet għal erba’ mini ġodda u t-twessigħ ta’ Triq Sant’Andrija sabiex ittejjeb l-effiċjenza fil-konnessjonijiet tat-toroq bejn Pembroke, San Ġiljan u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Dan il-proġett jismu Pembroke-St Julian’s Connections. Il-proġett jestendi minn Triq il-Kosta sa Triq Reġjonali, qabel il-Pont Manwel Dimech u d-daħliet tat-Tramuntana tal-mini f’Ta’ Giorni.

Erba’ mini ġodda biex jonqos it-traffiku lejn San Ġiljan

Skont is-Segretarju Ġenerali tal-PD, Martin Cauchi Inglott, dawn il-pjanijiet juru li l-proġetti fil-bajja ta’ San Ġorġ ġew approvati jew huma fil-proċess li jiġu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-PD sostna li dan kollu qed isir fl-interessi privati ta’ nies viċin tal-awtoritajiet. Cauchi Inglott, li qed jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal li ma titwemminx li dawn il-proġetti infrastrutturali jsiru permezz tat-taxxa li jħallsu l-Maltin.

Raymond Azzopardi, li hu kandidat għall-kunsill lokali ta’ San Ġiljan f’isem il-PD, qal li hu redikolu li l-Gvern jgħid li l-kwalità tal-ħajja hi prijorità tiegħu meta l-Maltin qed iħossuhom barranin f’pajjiżhom stess minħabba t-tniġġis fl-arja, il-qerda tal-pajsaġġ, u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà.

Il-PD qal li hu favur ekonomija li tpoġġi l-kwalità qabel il-kwantità.