Il-mina: “Żieda fl-għoli tal-ħajja”; “Kwalità ta’ ħajja aħjar”?

Rapport li sar dwar l-effetti li jista’ jkollha mina bejn Malta u Għawdex sab li n-nies jaħsbu li filwaqt li mina tista’ tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għal ċertu Għawdxin, oħrajn qalu li jista’ jkun li l-ħajja ssir aktar għolja.

Dan joħroġ mis-Social Impact Assessment li ġie ordnat li jsir fl-2016 minn Transport Malta biex tiskopri aktar x’jaħsbu n-nies dwar il-proposta ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Newsbook.com.mt akkwista kopja ta’ dan ir-rapport permezz ta’ Freedom of Information Request.

Skont l-istudju, għalkemm instab li numru ta’ residenti Għawdxin ħarsu b’mod pożittiv lejn kif mina bejn Malta u Għawdex tista’ twassal għal żieda fin-nies li joqgħodu f’Għawdex u tista’ twassal għal benefiċċji soċjo-ekonomiċi, oħrajn semmew impatti negattivi li jista’ jkun hemm. Dawn inkludew:

  • Żieda fl-għoli tal-ħajja
  • Żieda fit-traffiku u inqas spazju għal parkeġġ
  • Żieda fin-numru ta’ bars u clubs
  • Żieda fil-prezz tal-kera
  • Iffullar f’postijiet bħar-Rabat, Marsalforn, u x-Xlendi
  • Bidla fil-valuri taż-żgħażagħ

Ir-riċerkatur irrimarka li ħafna minn dawk in-nies li ġew intervistati qalu li dawn ir-riskji diġà kienu qed jiżviluppaw u li b’azzjoni mill-Gvern jistgħu jiġu evitati.

Intqal ukoll li l-mina mistenijja twassal għal żieda fin-numru ta’ residenti ta’ tmiem il-ġimgħa. Dan għandha jkollha impatti pożittivi u negattivi fuq kif inhi l-ħajja f’Għawdex illum.

Kif se jinbidel id-divertiment f’Għawdex?

Instab li se jkun hemm tibdil fl-opportunitajiet ta’ divertiment f’Għawdex. Minħabba f’hekk il-perċezzjoni tan-nies dwar il-komunità tista’ tinbidel u għalhekk tinfluwenza n-numru ta’ nies u negozji li jirrelokaw hemm fil-futur.

Is-social impact assessment sab li mina se twassal għal żieda fl-istabbilimenti ta’ divertiment. Filwaqt li dan iwassal għal aktar varjetà għan-nies jista’ jkun hemm ukoll aspetti negattivi. L-istudju semma li jista’ jkun hemm storbju min-nies li joħorġu mill-bars meta dawn jagħlqu u festini tard bil-lejl fl-appartamenti. Ir-rapport isemmi wkoll ħsejjes ġejjin minn persuni li jużaw skateboards. Ir-rapport qajjem ukoll tħassib dwar żieda fl-iskart fuq il-bankini u inqas post fejn wieħed jista’ jimxi minħabba żieda fl-imwejjed tar-ristoranti fuq art pubblika.

Piż akbar fuq il-Kunsilli Lokali, ilma, u l-ikel

Ir-rapport jgħid li ż-żieda fil-popolazzjoni se jfisser piż akbar fuq il-Kunsilli Lokali, ix-xogħol, akkomodazzjoni, enerġija, servizzi edukattivi, ilma nadif, ikel, trasport, infrastruttura, lukandi, servizzi mediċi, u spazju għall-parkeġġ.

Ir-rapport ikkonkluda li mina bejn iż-żewġ gżejjer għandha l-potenzjal li tnaqqas numru ta’ ‘drains’ fosthom il-brain drain, demographic drain, economic drain, u wellbeing drain.

Ir-rapport elenka wkoll numru ta’ impatti li huma kkunsidrati bħala pożittivi:

  • Tnaqqis fil-ħin li wieħed għandu bżonn biex jaqsam il-fliegu
  • Titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin li jkollhom imorru Malta aktar minn tliet darbiet f’ġimgħa
  • Aktar investiment privat f’Għawdex
  • Dħul akbar għall-Għawdxin
  • Żieda fl-opportunitajiet ta’ impjiegi

Mill-impatti soċjali li ġew analizzati 15% ġew ikklassifikati bħala impatti negattivi, 53% ġew meqjusa bħala pożittivi, 38% ma kienux la pożittivi u lanqas negattivi, u 7% kellhom riżultat indeċiż. L-impatti negattivi kienu kklassifikati bħala pożittivi wkoll fl-istess ħin.

Il-metodi li ntużaw kienu korretti?

Il-Professur tal-Istatistika Liberato Camilleri tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-metodi li ntużaw fis-social impact assessment.

Camilleri qal li l-purposive sampling tintuża’ meta wieħed irid jagħżel il-parteċipanti minn grupp partikolari tal-popolazzjoni. “Jekk trid tinkludi esperti biss għall-intervisti, inti trid tuża l-purposive sampling peress li metodi oħra jafu jinkludu parteċipanti li mhumiex esperti f’dak il-qasam.”

Mistoqsi dwar jekk residenti u studenti Għawdxin humiex ikkunsidrati bħala esperti, Prof. Camilleri qal li huwa diffiċli li wieħed jirrispondi din il-mistoqsija. Qal li wieħed dejjem jassumi li r-riċerkatur għamel l-aħjar li jista’ biex jagħżel sample rappreżentattiv, irrispettivament mill-opinjoni tal-parteċipanti. Spjega li l-unika mod li bih tista’ turi li sample renda rappreżentazzjoni fqira tal-popolazzjoni huwa permezz ta’ studju indipendenti ieħor biex imbagħad tqabbel ir-riżultat ta’ bejniethom.

Spjega wkoll li convenience sampling hija meta l-parteċipanti jintgħażlu minn dik il-parti tal-popolazzjoni li tkun faċilment aċċessibbli mir-riċerkatur. “Bażikament, dan ifisser li huma biss dawk l-esperti li kienu lesti li jieħdu sehem fl-intervisti li ġew inklużi fis-sample.”

Fi kliem il-Professur, l-użu ta’ convenience u purposeful sampling biex jintgħażlu l-esperti huwa metodu adegwat.

Dwar il-kwestjonarju Prof. Camilleri qal li bla dubju l-aħjar metodu biex jintgħażlu l-parteċipanti huma bir-random sampling. Madanakollu, dan il-metodu fih ix-xogħol. Spjega li l-aktar metodu użat fir-riċerka huwa s-stratified sampling fejn numru ta’ parteċipanti jintgħażlu minn kull lokalità b’mod proporzjonali skont il-popolazzjoni ta’ dik il-lokalità.

Il-maġġoranza tal-Għawdxin (46.6%) wieġbu li mina bejn Malta u Għawdex mhux se ġġib magħha żvantaġġi, skont ir-riżultati ta’ kwestjonarju kkummissjonat minn Transport Malta. 

Għawdxin qalu li mhux sew li jiżdiedu l-Maltin f’Għawdex minħabba l-mina biex imbagħad jispiċċaw jidderieġu l-gżira huma. Oħrajn favur il-mina bejn Malta u Għawdex qalu li huwa impossibbli li wieħed ikollu xogħol tajjeb f’Malta imma li jkollu jaqsam bil-vapur.

Tista’ taqra aktar dwar x’qalu l-Għawdxin waqt intervisti li saru minn hawn.

Follow Up tal-Ġimgħa 11 ta’ Jannar 2019 bi preżentazzjoni ta’ David Vassallo u Desmond Zammit Marmara’ ddiskuta l-proġet tal-mina bejn Malta u Għawdex.

L-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta, AGEM, tisħaq li sistema ta’ metro li tgħaqqad lil Għawdex ma’ diversi postijiet f’Malta, tista’ tkun soluzzjoni li taqdi l-bżonnijiet tal-ħaddiema Għawdxin.