​“Il-mina tista’ ssir; riskju li jmutu n-nies” – Ġeologu

Il-ġeologu Dr Peter Gatt saħaq li minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż, hemm riskju li jkorru jew imutu n-nies waqt it-tħaffir tal-mina bejn Malta u Għawdex, f’każ ta’ kollass jew jekk timtela bl-ilma baħar.  Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer bħala waħda prekarja.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Gatt sostna li s-sigurtà tal-mina tiddependi ħafna fuq il-ġeoloġija u li min daħal għal dan il-proġett għandu jerfa’ r-responsabbiltà, minħabba r-riskji kbar li hemm.
Irrimarka li Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li m’għandhiex servizz nazzjonali ġeoloġiku – organizzazzjoni nazzjonali għat-tiftix u klassifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż tul medda twila ta’ żmien. Saħaq li dan in-nuqqas iqiegħed lil Malta fi żvantaġġ kbir fil-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex.
“Jekk jiġi ffurmat dan is-servizz, il-benefiċċju jkun ukoll għall-infrastruttura, kwalità tal-materjal taż-żrar li jintuża fit-toroq u konkrit, kif ukoll għat-tiftix taż-żejt”, kompla jgħid.
“Disa’ boreholes biżżejjed?”
Il-ġeologu jinsab imħasseb ukoll dwar jekk humiex biżżejjed disa’ boreholes madwar iż-żewġ gżejjer, biex isir studju komplut f’din il-fażi tal-proġett tal-mina. Fisser li l-boreholes normalment isiru biex wieħed jara l-istratigrafija tal-blat u l-ħxuna tas-saffi differenti.
Stqarr li fl-istudju ġeoloġiku tal-mina bejn l-Ingilterra u Franza, imsejħa Channel Tunnel, kien hemm densità ferm akbar ta’ boreholes, meta mqabbel mal-proġett tal-mina f’Malta. Meta sar dan it-tunnel, kien is-Servizz Ġeoloġiku Ingliż (BGS) li mexxa u ħaffer il-boreholes fuq in-naħa Ingliża u impjega ġeoloġisti li kienu jafu tajjeb il-ġeoloġija tal-Ingilterra.
Dr Peter Gatt qal li jinsab imħasseb ukoll dwar kemm għandhom għarfien dwar il-ġeoloġija ta’ Malta, il-kumpaniji barranin li tqabbdu minn Transport Malta biex jagħmlu dawn il-boreholes. Insista li m’hemmx dubju li l-ġeoloġija ta’  Malta hi differenti minn ta’ kull pajjiż ieħor.
“Mal-50 metru blat tħallew barra fl-istratigrafija”
Fi kliem Dr Gatt, l-informazzjoni preżenti dwar l-istratigrafija Maltija tmur lura għal iżjed minn 50 sena u ma saritx reviżjoni tagħha. Żied jgħid li ftit tas-snin ilu, kien skopra li madwar 50 metru ta’ blat (kważi l-għoli ta’ rdum) tħallew barra fl-istudji ta’ żmien l-Ingliżi.
Dr Gatt jaħseb li jista’ jkun hemm saffi oħra ta’ blat li tħallew barra mil-istratigrafija ta’ Malta u dan meta t-tħaffir ta’ mina jirrikjedi dettall kbir dwar is-saffi tal-blat.
Il-ġeologu rrimarka li l-investiment li qed isir fl-investigazzjonijiet ġeoloġiċi huwa importanti ħafna, u li jekk dan ma jsirx u jinqalgħu l-problemi fil-futur, l-ispiża mbagħad tkun ferm akbar.
“Iridu jiġu investigati xquq u ċaqliq fil-blat”
Dr Peter Gatt għadda biex jitkellem dwar il-ġeoloġija strutturali, aspett ieħor importanti fil-bini ta’ mina.  Spjega li meta tinbena mina, irid jintgħażel it-tip ta’ blat u jiġu evitati tipi oħra.
Sostna kif għaldaqstant irid jiġu investigati xquq u ċaqliq vertikali fil-blat. Semma kif il-blat bejn Malta u Għawdex kellu ċaqliq vertikali ħafna aktar minn dak li nstab bejn l-Ingilterra u Franza, meta tħaffer iċ-Channel Tunnel.
“Din hija problema kbira għax twassal għal nuqqas ta’ konsistenza fil-kwalità tal-blat waqt it-tħaffir. Il-blat huwa wkoll taħt stress tettoniku, li joħroġ waqt li jsir it-tħaffir”, kompla jgħid Dr Gatt.
“7 kumpaniji mħajra jagħmlu l-boreholes”
Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal fil-Parlament li seba’ kumpaniji tefgħu l-offerti tagħhom għax-xogħol tal-boreholes. Fit-tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Chris Said, il-Ministru qal ukoll li l-prezzijiet ivarjaw minn madwar €600,000 sa kważi €3 miljun, u li x-xogħol b’rabta ma’ din is-sejħa mistenni jitlesta f’Marzu li ġej.
Ritratt: Arkivji