Il-mina ta’ Għawdex: L-AD issejjaħ għal aktar studji

Alternattiva Demokratika illum issottometta dokument bil-proposti tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta ta’ mina bejn Malta u Għawdex, primarjament dwar il-bżonn ta’ aktar studji.

AD qal li flimkien mal-aspetti li s-soltu jiġu studjati fi studju dwar l-impatt ambjentali (EIA), diversi aspetti għandhom jingħataw importanza kbira.

L-AD qal li:

1. Il-proposta tal-mina għandha tiġi studjatha mil-lenti tal-miri, l-miżuri, u l-politika kif elenkati fl-Strateġija Nazzjonali dwar it-Trasport u l-Master Plan dwar it-Trasport. L-istudju għandu jwassal għal alternattivi varji għall-proposta ta’ mina taħt il-baħar.

2. L-istudji ġeoloġiċi għandhom ikunu konklużi u eżaminati b’mod kritiku.

3. Il-pjanti u disinji preliminari tal-mina taħt il-baħar għandhom jiġu konklużi biex b’hekk tkun tista’ ssir stima realistika u aktar veritiera tal-ispiża.

4. Bħala parti mill-EIA għandha ssir analiżi dettaljata tal-impatt tal-mina fuq ir-riżors pubbliku tal-ilma

5.  L-EIA għandu jinkludi analiżi dettaljata tal-proposta tal-mina fuq l-ekoloġija tal-Wied tal-Pwales, inkluż ir-Riserva tas-Simar li hija riserva Natura 2000 tal-UE.

Tista’ taqra d-dokument sħiħ minn hawn.