Filmat: Il-mina se tkun bejn in-Nadur u l-Manikata – Ian Borg

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-mina ta’ bejn Malta u Għawdex se tkun aċċessibbli min-Nadur f’Għawdex u bejn il-Manikata u l-Imbordin f’Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Ian Borg qal li huwa fir-responsabbilità tal-Gvern li jimplimenta dan il-proġett ta’ konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex.
Skont Borg il-mina ta’ taħt il-baħar se tkun twila 13-il kilometru u se jkollha tliett karreġġjati – waħda f’kull direzzjoni u oħra għall-emerġenzi. Qal li l-mina se tkun tiflaħ mas-6,500 vettura kuljum. Qal li dan huwa ferm akbar minn kemm jivvjaġġaw karozzi ta’ kuljum permezz tal-vapuri tal-Gozo Channel.
Borg semma’ li saru studji dwar il-fond tal-baħar u tal-blat taħt l-art. Qal li l-mira hi li sal-aħħar tal-2018 jitlestew l-istudji preparatorji. Il-pass li jmiss imbagħad ikun li joħroġ tender għad-disinn tat-toroq li jwasslu għall-mina.
Skont il-Ministru Borg, l-ambjent huwa wieħed mill-prijoritajiet ta’ dan il-proġett hu li jkun qed isir studju tal-impatt ambjentali (EIA) sħiħ. Dan sabiex jintgħażlu postijiet bl-inqas impatt fuq l-ambjent biex isiru l-entraturi tal-mina. Borg qal li l-għażla ta’ fetħa bejn il-Manikata u l-Imbordin għandha tgħin biex tittaffa l-bottleneck tat-traffiku fix-Xemxija.
Ian Borg qal li mhux se jkun hemm aċċess għall-mina minn Kemmuna u li l-art ta’ Kemmuna mhux se tintmiss.
L-akbar sfida
Fi kliem Borg, l-akbar sfida ta’ dan il-proġett se jkun ir-rimi tal-materjal li jiġi ġġenerat mit-tħaffir tal-mina. Però qal li din l-isfida mhux se taqta’ qalb il-Gvern. Qal li jispera li l-EIA tipproponi xi alternattivi.
“Fiduċjuż li jsir” – Franco Mercieca
L-eks Segretarju Parlamentari tal-Partit Laburista Franco Merieca qal li jinsab “fiduċjuż li l-proġett isir”. Qal li huwa proġett ta’ importanza nazzjonali u lokali.
“Kull mina hija unika” – Espert Norveġiż
L-espert Norveġiż Eivind Grøv qal li hemm aktar minn 30 mina taħt il-baħar fin-Norveġja. Qal li kull mina hija unika u li ċ-ċirkostanzi kollha jridu jiġu kkonsidrati.
L-espert qal li wara li tintgħażel il-kumpanija li se tkun qed tħaffer il-mina jkun hemm bżonn bejn tliet u sitt xhur biex jasal il-makkinarju li jkun hemm bżonn. Qal li mbagħad ikun hemm bżonn tliet snin sakem tinħafer il-mina. Ikun hemm bżonn perjodu ta’ bejn sena u sena u nofs biex isiru xogħlijiet ta’ istallazzjoni ta’ pajpijiet u d-dawl.
Saħħa u s-sigurtà
F’Diċembru tal-2017 il-ġeologu Dr Peter Gatt kien qal li minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż, hemm riskju li jkorru jew imutu n-nies waqt it-tħaffir tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Gatt kien irrimarka li Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li m’għandhiex servizz nazzjonali ġeoloġiku – organizzazzjoni nazzjonali għat-tiftix u klassifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż tul medda twila ta’ żmien. Saħaq li dan in-nuqqas iqiegħed lil Malta fi żvantaġġ kbir fil-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru Borg qal li saru studji ġeoloġiċi li r-riżultati tagħhom għandhom jaslu sal-aħħar ta’ din is-sena. Qal li l-Gvern se jkun qed jimxi ‘l quddiem minn dak il-punt.
Skont l-espert Norveġiż Grøv, il-ġeoloġija ta’ Malta hija addatta għal mina ta’ dan it-tip. Qal li sfida partikolari se tkun dik tas-saff tat-tafli (blue clay layer). Però qal li din mhux se tkun l-ewwel darba li ssir mina fil-preżenza ta’ dan it-tip ta’ blat.
Qal li l-irwol tiegħu f’dan il-proġett huwa dak ta’ konsulent għal Transport Malta.