Il-mina bejn Malta u Għawdex diskussa mal-Korea t’Isfel

Il-proposta tal-mina li tgħaqqad lil Malta m’Għawdex ġiet diskussa mal-Korea t’Isfel, u ntlaħaq qbil biex dawn jaqsmu t-teknoloġija u l-esperjenza tagħhom mal-Maltin.
Dan sar waqt laqgħa li kellu l-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, mal-Assistent Ministru għall-Politika tal-Kostruzzjoni tal-Ministeru għall-Art, l-Infrastruttura u t-Trasport tar-Repubblika tal-Korea, Kim Il Pyeong.
Il-Ministru u l-Assistent Ministru iddiskutew diversi modi ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Min-naħa tiegħu, Borg aġġorna lill-Assistent Ministru dwar ix-xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin f’Malta, filwaqt li spjega l-wegħdiet elettorali relatati u ddiskuta l-Aġenzija tat-Toroq, li se tiġi mwaqqfa fix-xhur li ġejjin.
Pyeong stieden lil Borg għall-Konferenza Globali tal-Kooperazzjoni fl-Infrastruttura (GICC), li hija ppjanata għas-7 ta’ Settembru fil-Korea t’Isfel.
Waqt din il-laqgħa ġiet diskussa wkoll l-intenzjoni li jiġi estiż il-Memorandum ta’ Ftehim li kien ġie ffirmat fir-Repubblika tal-Korea f’Novembru tal-2015.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri