Il-Millenials jippreferu jsiefru lejn il-Mediterran imma mhux Malta – rapport

Clive Vella - viewingmalta.com

Read in English.

Il-Millenials Ewropej jippreferu jsiefru lejn pajjiżi fl-Ewropa t’Isfel u fil-Mediterran, però persuna waħda biss semmiet lil Malta skont rapport imħejji minn tliet professuri minn universitajiet fil-Kroazja u s-Slovenja.

Dina Lončarić, Jasmina Dlačić, u Aleksandra Pisnik qalu li r-rapport tagħhom sar biex jeżaminaw l-għażla tal-Millenials dwar id-destinazzjonijiet tas-safar tagħhom. Qalu li huwa important li wieħed jara kif il-Millenials jagħżlu fejn imorru għax qed isiru parti dominanti mis-settur.

L-awturi ddefenixxew il-Millenials bħala dawk iż-żgħażagħ li twieldu bejn l-1977 u l-1999. Skont il-Pew Research Centre, il-Millenials huma dawk li twieldu bejn l-1981 u l-1996.

Il-professuri qalu li r-riżultati li kisbu minn kwestjonarju online juri li l-Millennials Ewropej jippreferu li jsiefru lejn pajjiżi li huma famużi għan-natura u għall-interazzjonijiet kulturali. Qalu li l-Millenials jistinkaw għal preżenza fil-midja soċjali, huma motivati bit-tnaqqis fl-istress u huma ispirati minn esperjenzi tal-kultura lokali.

L-awturi tar-rapport staqsew lil 420 persuna għall-opinjoni tagħhom permezz ta’ kwestjonarju online.

Il-maġġoranza (42.9%) kienu mill-Kroazja, 23.3% mill-Awstrija, u 9% kienu mill-Polonja. Minnhom 66.7% kienu nisa u 33.3% kienu rġiel. Il-maġġoranza kienu studenti.

Minn dawn il-420 persuna, 70 qalu li jixtiequ jsiefru lejn pajjiż fil-Mediterran jew fl-Ewropa t’Isfel. Erba’ qalu li jixtiequ jmorru x’imkien fil-Lvant Nofsani.

Filwaqt li 23 semmew l-Italja u 21 Spanja, persuna waħda semmiet lil Malta.

Minn dawk intervistati, 103 semmew in-natura sabiħa bħala raġuni għalfejn joħolmu biex isiefru lejn pajjiż partikolari. Wieħed u sebgħin semmew ix-xemx u l-baħar.

Ir-riċerkaturi qalu li waħda mill-limitazzjonijiet tal-istudju tagħhom kien li ż-żgħażagħ li wieġbu l-kwestjonarju ma kinux ġejjin mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

Spjegaw ukoll li s-sejbiet tagħhom huma differenti mis-sejba ta’ Morgan u Xu li fl-2009 qalu li kienu biss 2% tal-istudenti Ingliżi li jixtiequ jmorru lejn pajjiż fil-Mediterran.