“Il-Milied tal-familja ta’ Daphne ilu mħassar sentejn”

Read in English.

Il-President tal-għaqda Repubblika Vicki Ann Cremona qalet li l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ilha sentejn bil-Milied imħassar, “għax għadhom u se jibqgħu bla omm, bla tifla, bla oħt u bla sodisfazzjon”.

Waqt il-velja ta’ kull 16 tax-xahar li fiha tintalab ġustizzja, Cremona qalet li dan il-Milied f’Malta ħassruh Joseph Muscat u l-klikka qerrieda tiegħu għax ma telqux minn-Kastilja u mill-Parlament.  Hija tablet lil Muscat biex jitlaq immedjatament u l-Pulizija tindaga lilu u l-klikka tiegħu.

Hija spjegat li l-intenzjoni ta’ dawn il-protesti m’humiex li jħassru l-Milied jew li jtellfu l-bejgħ lis-sidien tan-negozji iżda biex juru li għadha ma saritx ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll għax il-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandu l-ebda dritt li jagħżel hu meta għandu jitlaq.

Il-Gvern ta’ Muscat tela’ biex iservi lilna u mhux lilu nnifsu – Rosa Borg

L-attivista Rosa Borg qalet li Joseph Muscat u l-klikka tiegħu ġew eletti biex iservu lil Malta u mhux biex iservu lilhom infushom.

Hija appellat biex Joseph Muscat jirreżenja minnufih u m’għandux il-kunsens ta’ dawk preżenti, biex jibqa’ fil-poter, jipproteġi lilu u lil ta’ madwaru.

Borg staqsiet fejn hi l-meritokrazija li kien wiegħed Joseph Muscat. Żiedet tgħid li huwa injora kompletament dak li qalu r-rapporti tal-Kummissjoni Venezja, ir-rapport tal-Greco u l-Kummissjoni Ewopea wara li akkużawh li abbuża mill-poter.

L-attivista enfasizzat li l-ġurnalisti mhumiex kriminali u n-nies għandhom ikunu jafu dak li qed jiġri. Hija kienet qed tagħmel referenza għall-inċident li seħħ f’Kastilja meta l-ġurnalisti ġew miżmuma milli joħorġu u jsaqsu l-mistoqsijiet lill-Ministri u l-Prim Ministru. Borg enfasizzat aktar minn darba biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jirreżenja minnufih.

Dak li seħħ fl-aħħar jiem huwa maħmuġ, korrott u mdemmi – Sandro Rossi

Miguela Xuereb

L-Attivist Sandro Rossi qal li l-protesti li saru fl-aħħar jiem wara l-iżviluppi li seħħew fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jibqgħu jesiġu li l-Prim Minsitru Joseph Muscat jirreżenja minnufih. Huwa żied li “dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat huwa resistenza kontra dak li huwa maħmuġ, korrott u mdemmi”. Rossi kompla li, “il-Maltin qed isibu l-kuraġġ biex isemmgħu leħinhom, jgħidu l-verità u jieqfu għall-ħażin.”

Rossi semma li fil-passat kien hemm attivitajiet immorali li kienu ttollerati fosthom traffikar tal-iskjavi u piraterija legalizzata. Huwa appella lil dawk miġbura biex iħarsu lejn dawn l-episodi bl-lenti kritika u oġġettiva.

Rossi fakkar ukoll li minkejja dan Malta kienet ġiet imfaħħra bħala l-infermiera tal-Mediterran u tat il-kontribut tagħha fuq livell internazzjonali.

L-attivist żied li dawk li jiggvernaw insew x’inhi d-dinjità, id-diċenza, l-legalità u l-umanità. Huwa għamel referenza għall-iskandlu tal-visas mediċi kif ukoll għat-22 tifel u tifla li se jiġu mkeċċija u mifruda mill-familjari tagħhom f’Malta.

Fid-diskors tiegħu Rossi għamel referenza għax-xhieda li ta s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza, Melvin Theuma. Spjega li minkejja l-fatti kollha li ħarġu fil-Qorti, għad hemm folol sħaħ li għadhom jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Prim Ministru.

L-attivist qal li f’demokrazija l-ebda poter mhux assolut u ħadd m’għandu xi dritt divin li jirfes fuq id-drittjiet tal-oħrajn anke jekk dawn ikunu f’minoranza.

Is-sinjali ta’ korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata ma kinux diffiċli biex wieħed jinduna bihom – Orsetta Spinola

Miguela Xuereb

Orsetta Spinola, qalet s-sinjali ta’ korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata ma kinux diffiċli biex wieħed jinduna bihom.  Spinola hija membru ta’ CHANCE: Civil Hub Against organised Crime li huwa network appoġġjat minn Libera – Associazioni nomi e numeri contro le Mafie.

Spinola żiedet li l-finanzi, s-settur tal-propjetà, l-gaming u l-cryptocurrencies huma industriji funzjonabbli u leġittimi. Hija wissiet li meta dawn is-setturi ma jkunux regolati tajjeb iwasslu biex ikun hemm evażjoni tat-taxxa, tixħim, korruzzjoni, ħasil ta’ flus u traffikar uman.

Osservat li filwaqt li ħafna qed jitolbu li jkun hemm tindif politiku fil-fond, madankollu wieħed għandu jibqa’ ffukat għax la darba jsir dan it-tindif ikun faċli li jkun faċli li wieħed ma jibdilx id-drawwiet tiegħu u jibqa’ fejn hu. Hija spjegat li l-korruzzjoni taffettwa l-ħajja ta’ kulħadd.

Spinola fakkret li Daphne Caruana Galizia kienet qed studjata, ippersegwitata, iżolata u mċaħħda mill-privatezza tagħha.