Il-Milied sar vaganza pubblika fl-Ukrajna

Il-Parlament tal-Ukrajna, b’vot qawwi, ivvota biex il-jum tal-25 ta’ Diċembru jibda jitqies bħala btala pubblika fil-pajjiż. Il-Knisja Kattolika fil-pajjiż laqgħet din id-deċiżjoni bil-ferħ biex issa l-Milied Kristjan sar festa pubblika mal-Milied Ortodoss, li jiġi fis-7 ta’ Jannar.
“Aħna grati ħafna lejn il-Parlament, din hi deċiżjoni ta’ ferħ kbir għall-Insara li qabel kien ikollhom imorru l-iskola u x-xogħol u ma setgħux jiċċelebraw il-Milied b’mod xieraq”, qal l-Arċisqof Mieczyslaw Mokrzycki, President tal-Konferenza Episkopali.
“Dan se jkun konvenjenti ħafna għall-Kattoliċi li qabel fil-Milied setgħu jmorru l-Knisja filgħaxija biss. Dan se jsaħħaħ ukoll ir-rabta fil-familji”, żied jgħid il-Kardinal.
Il-Verkhovana Rada, kif hu msejjaħ il-Parlament tal-Ukrajna, b’maġġoranza kbira vvota favur emenda fil-Liġi tax-Xogħol li żżid il-ġurnata tal-25 ta’ Diċembru mal-lista ta’ vaganzi pubbliċi.
Is-Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali u d-Difiża tal-Ukrajna qal li dan il-pass għandu jsaħħaħ l-integrazzjoni ta’ pajjiżu fl-Ewropa għax qed juri li l-pajjiż qed jitbiegħed mill-kalendarju Sovjetiku u l-istandards imperjali Russi. 
“Issa l-Ukrajna tista’ tiċċelebra l-Milied mal-bqija tad-dinja ċivilizzata”, stqarr dan.
Min-naħa l-oħra, il-Knisja Ortodossa kkundannat din id-deċiżjoni għax qalet li l-maġġoranza tal-poplu tiċċelebra l-Milied fis-7 ta’ Jannar. L-Isqof Ortodoss, Irpen Kliment, li għandu rabta qawwija mal-Patrijarkat ta’ Moska, qal li Kristu twieled darba biss u mhux darbtejn. Bid-deċiżjoni tiegħu l-Parlament irrenda l-Milied f’farsa u wera li ma jagħtix każ ta’ kif jaħsbuha l-Ukreni.
Il-Milied fil-25 ta’ Diċembru hu ċċelebrat mill-Kattoliċi  u l-Protestanti madwar id-dinja kollha kif ukoll minn għaxra mill-ħmistax il-Knisja Ortodossa madwar id-dinja.