Il-Milied mhux żmien ta’ hena għal kulħadd – psikjatra

Il-Milied mhux żmien ta’ hena għal kulħadd. Dan qalu l-Psikjatra Dr Mark Xuereb minn Crisis Resolution Malta hu u jitkellem dwar il-ħidma tal-għaqda ma’ dawk f’riskju ta’ suwiċidju f’Malta u l-kampanja li hemm għaddejja bħalissa bl-isem ta’ Suicide Watch 12.

Crisis Resolution Malta huwa tim li jagħti assistenza 24 siegħa kuljum, matul is-sena kollha. Xuereb spjega li fiż-żmien il-Milied, ikun hemm madwar 300 ruħ li jċemplu jew jagħmlu xi tip ta’ kuntatt sabiex jirċievu l-għajnuna.

L-għaqda li fl-2020 se tkun qed tiċċelebra l-10 anniversarju mill-ftuħ tagħha, għat-12-il jum tal-Milied, qed iżżid il-komunikazzjoni tagħha fil-media sabiex tfakkar il-pubbliku li hemm min lest jismagħhom. Xuereb spjega li se jkun hemm professjonisti kkwalifikati li jgħinu fil-kriżijiet li se jkunu b’għajnejhom aktar miftuħin matul il-Milied ħalli jkompli joffru l-għajnuna tagħhom bla ħlas lil kull min jinsab fi kriżi u lill-għeżież tagħhom.

Mal-40 persuna jmutu b’suwiċidju f’Malta fis-sena

Xuereb spjega kif f’Malta jmutu bejn 20 u 40 ruħ b’suwiċidju kull sena. Qal li jekk għal kull suwiċidju hemm 20 oħrajn li jagħmlu s-self-harm, dan jammonta għal madwar 800 ruħ li jagħmlu self-harm fis-sena. Spjega li dawk li joqogħdu jhewdnu dwar is-self-harm huma ferm aktar numerużi. Intant qal li barra minn hekk, sa sitt għeżież jintlaqtu negattivament mis-suwiċidju u s-self-harm, u dan ifisser li madwar 5,000 membru ta’ familja, partners u ħbieb jistgħu jibqgħu milqutin għal għomorhom. Qal li dawn ukoll ikunu fil-periklu tas-suwiċidju, tal-mard mentali, tal-qgħad, tat-tluq mis-sistema edukattiva, u tal-marġinalizzazzjoni.

10 Snin ta’ Crisis Resolution Malta

  • 66, 000 telefonati waqt kriżi
  • 43, 000  SMSs, messaġġi fuq WhatsApp jew Facebook
  • 9, 000 emails waqt kriżi
  • 350 ħajjiet salvati ta’ nies li kienu fi kriżi serja

Dr Xuereb qal li dawn il-kisbiet ma kinux isiru mingħajr il-membri tat-tim estiż tal-kriżijiet. Irrimarka li ma hemmx kliem biżżejjed biex iroddilhom ħajr. Qal li fost il-membri hemm il-pulizija li jgħinu bla heda u b’mod erojku, il-pubbliku, professjonisti, u aġenziji li lkoll jistħoqqilna tifħir bla qies għall-kontribut li jagħtu ta’ kuljum.

Tnaqqis fir-rata tas-suwiċidju fil-pajjiż

Xuereb spjega li l-ħidma ta’ Crisis Resolution Malta u oħrajn x’aktarx ikkontribwixxiet għal tnaqqis fir-rati ta’ suwiċidju fil-pajjiż f’dawn l-aħħar tliet snin. Qal li dan kollu juri biċ-ċar li timijiet ta’ kriżi li jaħdmu tajjeb isalvaw il-ħajjiet, inaqqsu l-għadd ta’ nies li jiddaħħlu l-isptar u jċekknu t-tul taż-żmien li wieħed idum isofri – u dan kollu jġib benefiċċji kbar għas-soċjetà u l-ekonomija.

Għaliex ikun hemm min jaħbi li għandu l-problemi?

Xuereb spjega li jkun hemm min jaħbi li għandu l-problemi, u għal dan hemm bosta raġunijiet. Qal li raġuni minnhom hi n-natura nnifisha tal-problemi psikoloġiċi li ġġiegħel lil dak li jkun jinqata’ għalih waħdu, jitlef kull tama u jħossu bla ħeġġa bħallikieku ħadd u xejn ma jistgħu jgħinuh. Qal li fattur ieħor hu li s-saħħa mentali għadha suġġett stigmatizzat u li s-suwiċidju hu omm l-istigmi kollha. Qal li l-verità hi li n-nies li jkunu fi kriżi jridu jgħixu. Dawn ta’ sikwit jisfaw megħlubin minn ħsibijiet żbaljati li ħadd ma jħobbhom u li xejn ma jista’ jtejbilhom ħajjithom. Qal ukoll li l-esperjenzi mgħoddija, it-traġedji personali, is-sitwazzjonijiet soċjali mhux feliċi u s-sustanza illeċiti jistgħu jkomplu jtaqqlu l-ħsibijiet ġa tqal ta’ qirda. Xi wħud jaġixxu b’impuls, mingħajr ma joqogħdu jiżnu, mentri oħrajn ifasslu tmiemhom billi jagħmlu testment, iħallsu djunhom, jiktbu noti ta’ suwiċidju, u jgħidu saħħa b’modi sottili.

Għatihom widen

Xuereb irrimarka li meta wieħed jagħti widen lil dawn in-nies iħossu sens ta’ serħan kbir. Spjega li hawn hu fejn jibda l-immaniġġjar tal-kriżi u l-fejqan. Qal li dawn jibdew jirrealizzaw li hemm it-tama u li fil-verità huma lill-uġigħ riedu joqtlu mhux lilhom infushom. Il-ħasra kbira hi li mhux kulħadd jingħata l-għajnuna ħalli jasal li jirrealizza dan kollu.

Jekk inti jew xi għażiż tiegħek tinsabu fi kriżi, ċempel il-linja tal-konsultazzjonijiet 24/7 (+356 99339966), ibgħat email fuq crisismalta@gmail.com jew għamel kuntatt permezz ta’ Facebook (Crisis Resolution Malta).