Il-Milied mhux se jitħassar – awtoritajiet ta’ Betlehem

Il-villaġġ ta’ Bethlehem qed iħejji għal Milied diżastruż: ħafna mil-lukandi huma magħluqa, ir-rgħajja x’aktarx li jkunu f’lockdown u ma tantx hemm persuni li qed iżuru l-pajjiż mil-Lvant, jew minn xi post ieħor.

12-il xahar ilu, il-belt Palestinjana kienet qed tiċċelebra l-aktar staġun bieżel f’dawn l-aħħar għoxrin sena, bis-saħħa ta’ tnaqqis fil-vjolenza li waslet għal żieda fl-għadd ta’ pellegrini u turisti.

Imma l-lukandi li fl-2019 kienu qed jestendu l-faċilitajiet tagħhom issa jinsabu magħluqa minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Madankollu, l-mexxejja tal-post tradizzjonali fejn twieled Ġesù se jkomplu biċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom, konxji li l-ħarsa tad-dinja kollha tinsab fuq iż-żona f’dan iż-żmien tas-sena.

“Bethlehem se jiċċelebra l-Milied. U l-Milied mhux se jitħassar,” qal is-sindku Anton Salman, sakemm warajh diversi ħaddiema tellgħu siġra tal-Milied kbira fil-Pjazza tal-Maxtura.

“Dan il-Milied minn Bethlehem se jintbagħat messaġġ ta’ tama lid-dinja kollha, li d-dinja se tgħaddi minn din il-pandemija b’wiċċ il-ġid.”

Il-Patrijarka ta’ Ġerusalemm, Pierbattista Pizzaballa, li għadu kemm inħatar fil-kariga tiegħu, nhar it-Tnejn ipprova jlaqqa’ flimkien lill-fidili tal-Art Imqaddsa, meta qal li l-preparamenti diġà bdew.

Il-kollega Franġiskan tiegħu, Dun Francesco Patton, il-Kustodju tal-Art Imqaddsa, beda ċ-ċelebrazzjonijiet tal-istaġun nhar is-Sibt, meta ppresjeda f’servizz fil-Knisja tan-Natività, li kienet kważi vojta.

“Dan il-Milied se niċċelebraw anqas mis-soltu, minħabba li se jkun hemm ħafna restrizzjonijiet, nassumi bħal f’diversi partijiet oħra madwar id-dinja,” qal Pizzaballa f’intervista matul servizz tal-aħbarijiet Kattoliku.

“Forsi l-liġi ċivili mhux se tħallina niċċelebraw flimkien kif nixtiequ, imma ħadd mhu se jwaqqafna milli nesprimu t-tifsira reali tal-Milied, li hija li nagħmlu atti ta’ mħabba.”

Post fil-lukanda

Rula Maayah, il-Ministru għat-Turiżmu tal-Awtorità Palestinjana, qalet li din is-sena kienet qed tippreżenta sfida partikolari, għax l-2018 u l-2019 kienu sentejn ta’ turiżmu rekord, u issa kważi m’hemm l-ebda turiżmu minn barra l-pajjiż, u ftit huma l-Palestinjani Kristjani li qed jagħmlu pellegrinaġġi.

Skont il-gwidi turistiċi u l-bejjiegħa tas-souvenirs, fattur importanti ieħor huwa l-fatt li l-pandemija laqtet ħażin l-ekonomija globali, u dan qered il-bejgħ fuq l-Internet – li ġeneralment jilħaq il-quċċata tiegħu matul l-istaġun tal-festi.

F’nofsinhar il-Pjazza tal-Maxtura, fejn is-soltu jkun hemm tħejjija frenetika għall-Milied, kienet kważi vojta f’Novembru, bi ftit persuni jduru. Il-ħwienet kollha kienu magħluqa u fis-suq ma tantx kien hemm bejgħ.

Fi Triq in-Natività, il-ħanut tas-souvernirs ta’ Michael Canawati huwa waqfa popolari għat-turisti fejn tipikament jixtru key chains imnaqqxa b’immaġini ta’ Ġesù jew xeni tan-natività magħmula mill-injam tas-siġar taż-żebbuġ Palestinjani.

Imma l-ħanut ta’ Canawati ilu magħluq għal dawn l-aħħar ġimgħat, qed ibati biex iħallas il-pagi tal-impjegati, u għalhekk kellu jagħlaq b’mod permanenti t-tieni ħanut tiegħu f’Ġerusalemm.

“Wasalna fl-aħħar. Il-ħanut mimli oġġetti għall-bejgħ,” qal lil Reuters. “Id-dinja kollha tinsab fl-istess sitwazzjoni li ninsabu fiha aħna. Għamilna xi offerti (online) għall-Milied … imma għalxejn,” qal Canawati.

Elias al-Arja, il-president tal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi Għarab, qal li l-belt u d-dinja kollha qed jiffaċċjaw l-istess problema.

“Ilni naħdem fis-settur tat-turiżmu għal 30 sena. Kellna żminijiet tajbin u oħrajn anqas tajbin minħabba l-kunflitt bejn Israel u l-Palestina, imma qatt ma rajna sitwazzjoni bħal din.”