“Il-Milied iferraħ min-naħa u bħal melħ fuq il-feriti min-naħa oħra” – L-Isqof Grech

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex L-Isqof Mario Grech qal li jekk il-Milied min-naħa iferraħ, min-naħa l-oħra jaf ikun bħal melħ fuq il-feriti. Spjega li għal ċerti nies, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied bħal donnhom ikattru n-niket u jtaqqlu l-qlub.

Fl-Omelija tiegħu fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl, fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat Għawdex, Mons. Grech qal li hu għandu f’moħħu lil dawk li f’dawn iż-żminijiet għandhom qalbhom infaxxata għax maqsuma. Semma lill-familji fejn hemm il-viżtu, ġenituri li stennew lil uliedhom jgħaddu s’għandhom imma ħadd ma tfaċċa għax insewhom, l-ulied li jixxenqu biex ikunu mal-ġenitur li telaq mid-dar, l-aħwa li kibru u jixxenqu għall-memorji tal-Milied ta’ tfulithom, il-koppji li kellhom fiduċja li mħabbithom se tibqa’ għal dejjem imma llum mifrudin, dawk li spiċċaw b’ħajjithom infern minħabba għira jew mibgħeda, dawk li sofrew inġustizzja u jħossuhom sfruttati u l-foqra li m’għandhomx mezzi biex jixtru dak li hu meħtieġ.

Mons. Grech semma wkoll lil dawk li għandhom rashom infaxxata għax saret tqila daqs qartalla. Qal li dawn huma dawk li jinsabu għaddejjin minn xi għamla ta’ għeja mentali, dawk li għejew iġorru l-piżijiet tqal tal-ħajja u oħrajn li għejew jgħixu.

Semma wkoll lil dawk li jaħbu taħt il-faxex il-waħx ta’ dnubhom. Qal li m’humiex ftit dawk li jaqtgħu qalbhom li xi darba jistgħu jegħlbu d-dnub.

Irrimarka li meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem f’Betlehem, hu wkoll kien fil-faxex. Qal li l-fatt li Ġesù huwa mfisqi fil-faxex huwa sinjal li Alla li sar bniedem huwa wkoll fraġli u bla saħħa. “Ġesù sar bniedem ġie mfisqi fil-faxex għax kien dgħajjef. Għalhekk Ġesù jifhem lillbniedem dgħajjef.”

Spjega li dan ifisser ukoll li Alla huwa qrib dawk kollha li huma infaxxati. Qal li jagħmel il-feriti tal-umanità tiegħu. Qal li “sa mill-mument tat-twelid tiegħu, Ġesù huwa infaxxat, għax il-ġrieħi tagħna huma l-ġrieħi tiegħu.” Qal li l-faxex li kien hemm fil-maxtura meta Ġesù daħal fid-dinja, huma l-istess faxex li Ġesù ħalla warajh fil-qabar meta ħalla d-dinja għax qam mill-mewt u tela’ s-sema.

Mons. Grech insista li ma jkunx Milied Nisrani jekk il-bniedem jiġi jaqa’ u jqum mill-feriti infaxxati tal-proxxmu tiegħu, jew inkella jkompli jfannad il-feriti jew jiftaħhom mill-ġdid bl-atteġġjament tiegħu. Irrimarka li hija xi ħaġa tal-iskantament kif hemm xi wħud li jieħdu gost idaħħlu subgħajhom fil-feriti tal-oħrajn jew joborxu l-ferita meta tkun għalqet. “hekk inkunu nagħmlu meta nippersistu fl-imġiba ħażina tagħna li tkun tikkawża t-tbatija, jew meta nkunu suppervi u ma naħfrux.”