Il-Milied fuq Netflix

F’dawn il-ġranet partikolari tas-sena l-produzzjonijiet bit-tema tal-Milied ikunu fost l-aktar popolari fuq it-televiżjoni. Iżda mhux biss għax anki Netflix għandu għadd ta’ films u xi sensiliet wkoll.

Home for Christmas

Sensiela Norveġiża li wieħed jista’ jsegwi bl-Ingliż u li hija maqsuma f’10 puntati fejn naraw il-pressjoni li ssib ruħa l-infermjiera Johanne biex issib boyfriend u tieħdu magħha għall-ikla tal-familja tal-Milied.

Free Rein: The Twelve Neighs of Christmas

Dan hu l-11-il episodju mit-tieni staġun ta’ Free Rein. Waqt li Brights Fields tlesti ruħha għall-ballu tal-Mistletoe, Zoe, bis-saħħa ta’ ornament imkisser tal-Milied, tasal għal sigriet tal-familja waqt li Gaby ssib ruħha taħt idejn il-boss il-ġdid tagħha, Mia. Jaħdmu Jaylen Barron u Billi Angel.

48 Christmas Wishes

Film għat-TV li nħadem sentejn ilu fejn naraw li żewġ Elves ġodda jkollhom joħorġu ’l barra mid-dar wara li jitilfu l-ittri li kienu ndirizzati lil Santa Claus. Waqt li huma jkunu qed jippruvaw jindiehsu man-nies tal-belt jippruvaw isibu l-ittri u jaqtgħu kull xewqa li tkun miktuba fuqhom. Jaħdmu Liam McDonald u Madeline Leon.

Christmas Break-In

Izzi hija tifla enerġika ta’ disa’ snin. Fl-aħħar jum tal-iskola qabel il-vaganzi tal-Milied il-ġenituri tagħha jsibu diffikultà kbira biex jiġbruha wara l-lezzjonijiet  meta tinqala’ maltempata kbira. Iżda t-tifla ma ddumx ma ssib ruħha f’bosta sitwazzjonijiet mhux tas-soltu … bħal żewġt irġiel maqbuda fi trakk tal-ġelat, jew li l-bidillu tal-iskola jinħataf minn xi wħud. F’dan il-film għat-TV li ħareġ is-sena l-oħra nsibu lil Denise Richards fil-parti ewlenija.

Prince of Peoria: A Christmas Moose Miracle

Teddy qatt ma jkun tilef il-Festival Tad-Dwal imma l-post tal-logħob tal-bowling fejn ikun se jsir jispiċċa mgħarraq fil-borra. Iżda jidħol fin-nofs iċ-ċerv il-kbir tal-Milied biex isolvi s-sitwazzjoni. Jaħdmu Gavin Lewis u Theodore Barnes.

Christmas with a View

Film li ħareġ is-sena l-oħra li jittratta r-relazzjoni ta’ bejn waħda Ii tmexxi ristorant u chef ċelebri. Waqt il-film jidhru bosta waqtiet ta’ preparazzjonijiet ta’ ikel li għandu jogħġob lil dawk li jħobbu jixxenqu għal żaqqhom. Jaħdmu Kaitlyn Leeb, Scott Cavalheiro, Patrick Duffy u Jess Walton.

A Christmas Primce: The Royal Baby

Film ġdid tal-2019 u li huwa t-tielet kapitlu mis-sensiela ta’ films ta’ A Christmas Prince. L-istorja tittratta x’jiġri waqt il-ġranet tal-Milied fil-pajjiż ta’ Aldovia fejn tkun se titwieled tarbija rjali. Waqt dan kollu jfalli trattat li jkun se jsir ma’ pajjiż ieħor u jkun se jinqala’ l-inkwiet. Minħabba f’hekk tkun se tiskatta saħta li tolqot lill-familja rjali. Rose McIver u Ben Lamb jidhru fil-partijiet ewlenin.

The Knight Before Christmas 

Ritratt: Netflix

Film maħruġ din is-sena fejn naraw kif kavallier ta’ żmien il-Medju Evu jispiċċa trasportat fil-futur, għaż-żminijeit tal-lum, fejn isir iħobb tfajla li tkun diżappuntata bl-imħabba. Jieħdu sehem Vanessa Hudgens u Josh Whitehouse fost oħrajn.

Holiday in the Wild

Rob Lowe uKristin Davis jidhru f’dan il-film li ħareġ għall-Milied din is-sena. Mara ssib ruħha waħedha wara li jitlaqha r-raġel qabel ma jkunu se jmorru fuq safari fl-Afrika. Hi tmur xorta waħda fejn hemmhekk tiltaqa’ ma’ raġel li jkun qed jipproteġi l-iljunfanti.