Il-Milied fix-Xagħra Għawdex

Ir-raħal tax-Xagħra Għawdex għal darb’oħra se jinbidel f’villaġġ tal-Milied jew kif inhi magħrufa, ‘ir-raħal tal-presepju’. Bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Milied fix-Xagħra.

Il-Ministru Chris Said iltaqa’ ma’ uħud mill-voluntieri meta żar numru ta’ presepji u inizjattivi li qed jitħejjew. Dawn l-attivitajiet jinvolvu s-sehem dirett tal-parti l-kbira tar-residenti tax-Xagħra nkluż numru ta’ residenti barranin li huma wkoll jagħtu ħinhom b’mod volontarju biex ikunu jistgħu jsiru numru ta’ inizjattivi.

Il-Ministru Chris Said, filwaqt li ppreżenta għajnuna finanzjarja lill-għaqda, faħħar l-impenn tal-voluntieri u l-kumitat tal-Għaqda “Il-Milied fix-Xagħra” għaliex bid-dedikazzjoni tagħhom qed jinżammu ħajja tradizzjonijiet antiki marbuta mal-wirt storiku tal-poplu Malti.

Iktar informazzjoni dwar l-Għaqda “Il-Milied fix-Xagħra” tinkiseb mill-paġna bl-isem “Għaqda il-Milied fix-Xagħra” fuq Facebook.