Il-Milied huwa l-ġrajja li turi li Alla l-Missier tant ħabb lill-bniedem li ried li Ibnu jsir bniedem bħalna u għalina. Alla ried li jsir parti mill-umanità, u jsir parti mill-istorja tal-bniedem. Huwa xxierek magħna biex jgħinna niksbu d-dinjità tagħna bħala wlied Alla. Huwa sar bniedem biex lilna l-bnedmin jagħtina l-qawwi li nixxierku fin-natura ta’ Alla.
Il-Milied jgħin lill-bniedem biex jagħmel qabża kwalitattiva ‘l quddiem għax jgħin lill-bniedem jibni soċjetà li tixraq lill-ulied Alla, fejn kull bniedem igawdi l-istess dinjità mogħtija b’rigal minn Alla u mhux minn xi stat.
Inżel mill-gallerija
Kristu sar bniedem bħalna u għex magħna l-ġrajja tagħna l-bnedmin. Daħal fl-istorja tal-bniedem b’mod radikali għall-aħħar biex jgħin lill-bniedem ibiddel l-istorja tiegħu. Għalhekk il-Milied huwa festa li turina li Alla mhux osservatur li jħares mill-bogħod.
Il-Milied allura mhux festa ta’ aljenazzjoni jew ħarba mir-realtà. Għall-kuntrarju l-Milied huwa l-festa li tħeġġeġ l-attiviżmu favur il-bniedem. Il-festa tal-Milied turina li aħna għandna nidħlu fil-qalba tar-realtà umana; li aħna irridu naħdmu biex nibdlu l-istorja tal-bniedem fuq il-mudell li tagħna Ġesù stess.
Il-Milied huwa l-appell qawwi ta’ Alla biex ħadd minna ma joqgħod iħares mill-kumdità tal-gallerija iżda jinżel fit-triq jistinka għall-ġustizzja, għall-verità u għad-dinjità.
Ġustizzja qabel il-karità
Il-Milied mhux żmien speċjali għall-karità iżda għall-bini ta’ strutturi denji tal-bniedem li jenfasizzaw id-drittijiet mhux il-karità, anke jekk din, minħabba r-realtà tad-dnub tibqa’ meħtieġa għax il-ġustizzja sħiħa qatt mhu se nilħquha f’din id-dinja.
Fil-lejl tal-ewwel Milied ma kienx hemm setgħana jiċċelebraw. Anzi f’dak il-lejl l-anġli ma kantawx l-innu tal-pax romana mibnija fuq il-vjolenza. L-anġli kantaw li l-paċi hija għan-nies ta’ rieda tajba li jagħrfu li Alla li hu fuq kollox għax – kif jgħidilna l-kittieb tal-Apokalissi – tiegħu hija “s-saltna, l-glorja u l-qawwa.”
Hekk għadu jiġri llum. Is-setgħana li l-arroganza titla’ għal rashom jidhru li ħadd ma jkun jista’ għaliha. L-istorja tal-Milied turina l-kuntrarju. Din l-istorja turina li s-setgħana korrotti u arroganti huma bħal ġganti b’saqajhom tat-tafal. Jispiċċaw jiġġarfu taħt il-piż tal-arroganza u tal-korruzzjoni tagħhom stess.
L-arroganti jikkrollaw taħt il-piż tal-arroganza tagħhom
Il-Milied jurina li l-istorja tal-bniedem timxi ‘l quddiem biss meta minflok dominanza ikun hemm servizz; meta minflok qilla jkun hemm ħlewwa; meta minflok mibegħda jew vjolenza jkun hemm imħabba.
Il-Milied jurina li s-setgħana arroganti għandhom jiemhom magħduda; anke jekk għandhom ħafna jiem u jagħmlu ħafna qerq. Il-Milied jurina li l-qerq u l-gideb jinkixfu u jingħelbu.
Il-Milied jurina li min jgħid lill-għajru li “ma hemmx post għalih fil-lukanda” ta’ qalbu, daru jew pajjiżu huwa tellief. Dawk li qalu dawn il-kelmiet lil Ġużeppi u Marija kienu telliefa. Tilfu li jitwieled Kristu għandhom. Hekk għadu jiġri llum meta Kristu li jieħu l-forma tal-barrani, tal-immigrant, tat-tfal tal-immigranti ngħidulhom li pajjiżna “full up.”
L-imwarrba mhux il-krema tas-soċjetà ċċelebraw l-ewwel Milied
Il-lejl tal-ewwel Milied ma ċċelebrawhx dawk li jitqiesu bħala l-krema tas-soċjetà. L-ewwel Milied iċċelebrawh ir-ragħajja li kienu fuq it-truf tas-soċjetà. Allura fil-Milied aħna li nemmnu rridu nimpenjaw irwieħna favur l-imwarrba fis-soċjetà. Irridu nimpenjaw ruħna favur soċjetà fejn ma jkunx hemm faqar, fejn ħadd ma jrid jitkarrab biex ikollu kura li tiswa ħafna flus, fejn id-differenza bejn l-għonja u l-fqar tonqos mhux tiżdied, fejn ħadd ma jħossu mwarrab jew mhux maħbub.
Ma hemmx post għal Kajin
Fil-grotta tal-Milied hemm post għal kulhadd barra għal Kajin li jgħid li ma jafx fejn hu ħuh u ma jagħrafx lil ħuh u lil oħtu f’kull bniedem. Lanqas hemm post għall-korrotti li jistagħnu fuq l-esplojtazzjoni ta’ ħuthom. Il-Papa Franġisku jgħid li lill-korrotti għandha tintrabtilhom blata ma’ għonqhom u jintefgħu fil-baħar. Dan għax il-korrotti jisirqu l-ikel tal-fqir.
Programm mhux ġurnata
Kris Kringle, il-Father Christmas tal-film Miracle of 34th Street (1947) għandu raġun jgħid li, “Il-Milied mhux ġurnata iżda attitudni lejn il-ħajja.” Il-Milied huwa programm għall-ħajja u programm għal tul il-ħajja, mhux ġurnata waħda fis-sena.