“Il-migranti jgħinu lill-Knisja turi l-maternità tagħha”

Il-Papa Franġisku qal li l-migranti u r-refuġjati għandhom post speċjali f’qalb il-Knisja, għax dawn jgħinuha tkabbar qalbha u turi l-maternità tagħha lejn il-familja kollha umana. 
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Papa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati li se jitfakkar il-Ħadd 18 ta’ Jannar.
Il-Papa Franġisku tkellem dwar l-għadd dejjem jikber ta’ persuni li qed jitilqu minn pajjiżhom “b’bagalja mimlija xewqat u biżgħat, biex jibdew vjaġġ ta’ tama u riskjuż fi tfittxija għal kundizzjonijiet ta’ għajxien iktar umani”. Qal li min ikollu suspetti u preġudizzji fil-konfronti tagħhom, ikun f’kunflitt mal-kmandament bibliku li wieħed għandu jilqa’ lill-barrani fil-bżonn b’rispett u solidarjetà.
Jirreferi għall-missjoni tal-Knisja bħala pellegrina fid-dinja u jgħid li kien għalhekk li għal dan il-Jum intgħażlet it-tema “Knisja bla fruntieri: Omm ta’ kulħadd.
Il-Papa Franġisku jsemmi kif sa mill-bidu tagħha, il-Knisja kienet dejjem omm b’qalb miftuħa għad-dinja kollha u bla fruntieri. Qal li din il-missjoni ta’ maternità universali kompliet għal elfejn sena. Spjega li l-Knisja bla fruntieri xxerred fid-dinja l-kultura tal-aċċettazzjoni u ta’ solidarjetà li bihom ħadd ma jitqies bħala inutli jew imwarrab.
Il-kmandament tal-imħabba li ħalla Ġesὺ, żied jgħid il-Papa, huwa li l-bniedem jidentifika ruħu mal-vittmi innoċenti tal-vjolenza u tal-isfruttament. Min-naħa l-oħra, jgħid li minħabba d-dgħufija tan-natura tiegħu, il-bniedem ikollu t-tentazzjoni li jkun Nisrani li jżomm distanza prudenti mill-pjagi tal-Mulej. Kien hawnhekk li semma kif il-kuraġġ jiġi mill-fidi.
Il-Papa Franġisku jgħid li mhux biżżejjed li l-bniedem jirrispetta d-diversità u kulturi differenti, iżda jrid ukoll iħaddan attitudnijiet mibnijin fuq kultura ta’ dinja fraterna aħjar u iktar ġusta.
Jaċċenna u jfaħħar l-isforzi internazzjonali li jsiru fil-qasam tal-immigrazzjoni. Iżid li hija meħtieġa azzjoni iktar deċiżiva u kostruttiva li tkun mibnija fuq xibka universali ta’ koperazzjoni, kif ukoll fuq il-ħarsien tad-dinjità u ċ-ċentralità ta’ kull persuna.
It-tweġiba għall-fenomenu tal-migrazzjoni, temm jgħid il-Papa, hija l-globalizzazzjoni tal-imħabba u l-kooperazzjoni sabiex il-kundizzjonijiet tal-immigranti jsiru iktar umani.
Il-Kummissjoni Emigranti se tfakkar il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati permezz ta’ Quddiesa fil-Kappella tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan nhar il-Hadd 18 ta' Jannar fid-9.00am.