Il-migranti fil-baħar għandhom jingħataw kenn – Delia

Reuters

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-migranti li bħalissa jinsabu fuq il-baħar Mediterran għandhom jingħataw il-kenn.

Delia qal dan fuq Twitter fejn qal li l-persuni vulnerabbi u tfal li jinsabu fuq il-baħar m’humiex oġġetti li jistgħu jintużaw għan-negozjati. Delia qal li l-bullying minn pajjiżi akbar huwa inaċċettabli u li l-interess nazzjonali ta’ Malta għandu jiġi protett.

Tal-istess fehma kienet Dr Katerine Camilleri mis-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati (JRS) li spjegat li bħalissa hemm 49 persuna, inkluż nisa u tfal, jistennew fuq żewġ dgħajjes ta’ għaqdiet li jsalvaw lin-nies biex jidħlu f’port sigur. Qalet li ilhom 17-il ġurnata jistennew. Hija qalet dan waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM bi preżentazzjoni ta’ Fr Joe Borg.

Dr Camilleri qalet li kull ma għandhom bżonn huwa port li jkunu jistgħu jidħlu fih. Żiedet tgħid li jekk jidħlu f’post bħal-Libja, jerġgħu jispiċċaw f’idejn it-traffikanti. Spjegat kif il-migranti jitilqu mil-Libja bl-għajnuna ta’ traffikanti li jitħallsu. Qalet li huwa l-uniku mezz ta’ kif wieħed jitlaq mil-Libja u jidħol f’post sigur.

Madanakollu, Camilleri qalet li l-għaqdiet li joperaw bastimenti li jsalvaw lin-nies mhux qed jgħinu lit-traffikanti daqskemm mhux qed jgħinu t-traffikanti l-forzi armati ta’ Malta bix-xogħol li jagħmlu.

“Donnhom il-Gvernijiet Ewropej qed jagħmlu distinzjoni bejn jekk isalvawx lil xi ħadd skont min ikun salvah mill-għarqa. Jekk tiġi salvat minn NGO l-Gvern ikollu oġġezzjoni.” Camilleri tibża’ li s-sitwazzjoni taf teskala sal-punt li dgħajjes tas-sajd li jiltaqgħu ma’ migranti fil-periklu ma tkunx tista’ tidħol lura fil-port. Qalet ukoll li waħda mill-eqdem regoli marittimi hija li meta wieħed ikun fuq il-baħar ikollu d-dmir li jsalva l-ħajja tan-nies. Żiedet tgħid li jekk Gvern jagħlaq port għal dgħajjes li jsalvaw in-nies ir-regola tispiċċa titlef il-valur tagħha.

Mistoqsija dwar x’inhi s-sitwazzjoni legali tal-migranti, Camilleri qalet li huwa diffiċli tgħid għaliex il-liġijiet li jirregolaw dawn l-affarijiet huma ferm ikkumpliakti. Qalet lil hinn mill-kwistjonijiet legali hemm 49 persuna maqbudin fuq dgħajsa. Fil-fehma tagħha m’għandux ikun hemm għajnuna kkundizzjonata mill-Ewropa għax fl-aħħar mill-aħħar hemm il-ħajja umana fin-nofs li jmur oltre kull aspett legali.

Fi kliem Dr Camilleri, l-Arċisqof tkellem tajjeb meta qal li l-Gvern Malta għandu jinsisti li din hija sfida Ewropea. Madanakollu, qalet li nies ma jistgħux jitħallew f’periklu biex isir punt. Qalet li l-Gvern għandu jdaħħal il-migranti f’Malta.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-49 migrant li bħalissa jinsabu fil-baħar Mediterran qed isofru “inġustizzja kbira”, waqt żjara li għamel fuq il-bastiment Lifeline li għadu maqbud minħabba każ fil-Qorti wara li kien salva 234 immigrant irregolari. L-Arċisqof appella lill-Ewropa biex issib soluzzjoni immedjatament biex id-49 persuna li ilhom fuq il-baħar  għal 14-il ġurnata jidħlu f’port sigur.Skont l-Arċisqof, il-fenomenu tal-migrazzjoni huwa wieħed kumpless. “Il-ħajja umana hija prezzjuża u qatt ma għadhom isiru negozjati à skapitu tal-persuni li qed isofru”, saħaq l-Arċisqof.

Camilleri qalet li s-sigurtà tad-49 persuna hija mhedda u mhux tal-Maltin. Qalet li n-nies jemmnu fid-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, allura m’għandux isir bħal referendum fuq id-drittijiet tal-ħajja ta’ dawn id-49 persuna.

Mill-banda l-oħra qalet li jkollu raġun min jinkwieta dwar l-implikazzjonijiet tal-migrazzjoni f’Malta peress li hija “sfida enormi”.