“Il-migranti ekonomiċi m’għandhomx dritt joqogħdu Malta” – Frank Portelli

Il-kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista, Frank Portelli, qal li l-migranti ekonomiċi m’għandhomx dritt joqogħdu Malta.
Dr Portelli qal fi stqarrija li dawk il-persuni li jitilqu minn pajjiżhom minħabba l-qagħda ekonomika ħażina tal-pajjiż, u mhux neċessarjament għax ikun hemm il-gwerra, qed jiġu hawn biex jieħdu xogħol il-Malti u l-benefiċċji soċjali.
Madankollu sostna li dawk il-migranti li jingħataw l-istatus ta’ refuġjat għandna nilqugħhom u ngħinuhom bil-qalb, għax dawn jekk jintbagħtu lura jaffaċċjaw perikli serji għal ħajjithom.
Il-kandidat qal iżda li dawk li jingħataw status ta’ refuġjat huma biss 3,000, filwaqt li hemm 77,000 li huma migranti ekonomiċi, li fi kliemu m’għandniex naċċettaw.
Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Dr Portelli sabiex jikkjarifika s-sors taċ-ċifri, iżda wieġeb biss li “dawn huma figuri korretti, oqogħdu fuqhom”.
Skont studju riċenti mill-Università ta’ Middlesex, 6% biss tal-immigranti li waslu Malta telqu minn pajjiżhom għal raġunijiet ekonomiċi.
L-istudju Mapping Refugee Reception in the Mediterranean ixejjen il-ħrafa li l-maġġoranza tal-migranti li jaslu fl-Ewropa jagħmlu hekk primarjament biex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.