Il-midneb jista’ jsir qaddis iżda min hu korrott le

Oqogħdu attenti kuljum biex ma titbegħdux minn Alla. Din l-istedina għamilha l-Papa Franġisku waqt quddiesa f’Santa Marta li matulha tkellem dwar ir-riskju li aħna lkoll esposti għalih: li nkunu ta’ qalb dgħajjfa.
F’Omelija li għamel fil-quddiesa tal-Ħamis li għadda l-Papa qal li David li dwaru tkellem l-Ewwel Qari, hu qaddis avolja kien midneb; min-naħa l-oħra l-għaref Salamun kien miċħud minn Kristu għax kien korrott. Qalb Salamun ma kinitx kollha għal Alla filwaqt li qalb David missieru kienet.
Il-Papa spjega li din kienet ħaġa stramba għax ma nafux li Salamun għamel xi dnubiet kbar u kien dejjem bilanċjat filwaqt li David kellu ħajja diffiċli u kien midneb. U b’danakollu David hu qaddis filwaqt li għal Salamun jingħad li kien imfaħħar minn Alla għax fittex l-għerf minflok ir-rikkezzi, li qalbu ma kinitx milqugħa minn Alla.
“Kif nistgħu nispjegaw dan?” staqsa il-Papa. Għax David għaraf li kien midneb u dejjem talab maħfra filwaqt li Salamun li kien imfaħħar madwar id-dinja kollha, tbiegħed minn Alla u mexa wara allat oħra u ma ndunax li żbalja.
U hawn hi l-problema ta’ “qalb dgħajfa”. Meta l-qalb tibda tgħejja mhux bħala meta tagħmel dnub, tinduna mill-ewwel. Id-djufija tal-qalb hu proċess bil-mod, jimxi pass, wara pass, wara pass. U Salamun, mogħni bil-fama u bil-glorja, qabad din it-triq.
Paradossalment, qal il-Papa, “iċ-ċertezza tad-dnub hi aħjar mid-djufija tal-qalb. Salamun spiċċa korrott bil-mod il-mod għax qalbu kienet għajjiena.
“Raġel jew mara b’qalb dgħajjfa, huma raġel u mara telliefa. Dan hu dak li jiġri lil ħafna nsara, lil ħafna minna. ‘Le, m’għamiltx dnubiet gravi’. Imma kif inhi qalbek? B’saħħitha?  Għadha fidila għal kelma t’Alla jew qed titbiegħed bil-mod il-mod?”
Id-djufija tal-qalb tista’ tiġri lilna lkoll f’ħajjitna. X’nagħmlu allura? It-tweġiba, qal il-Papa, hi li nkunu viġilanti: “Attenti. Ħarsu lil qalbkom. Attenti. Kuljum araw x’inhu jiġri f’qalbkom”.
Imbagħad ikkonkluda:  “David kien qaddis. Kien midneb. Midneb li sar qaddis.  Salamun kien miċħud għax kien korrott. Xi ħadd li hu korrott ma jistax isir qaddis.  U wieħed isir korrott għax ikun dgħajjef f’qalbu. Attenti. Ħudu ħsieb qalbkom il-ħin kollu. Kif sejra qalbi? Kif inhi r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla? U gawdu s-sbuħija u l-ferħ tal-fedeltà tagħkom lejn Alla”.