“Il-midja trid tilħaq lill-poplu Malti kollu” – Toni Bezzina

Il-Kandidat għal Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista (PN), Toni Bezzina, qal li l-midja tal-Partit Nazzjonalista trid tilħaq firxa iktar wiesgħa ta’ nies, sabiex il-kontribut tal-poplu Malti għall-proposti tal-partit jiżdied.
Dan qalu Bezzina dalgħodu, hekk kif nieda iktar proposti dwar kif il-mezzi tax-xandir tal-Partit jistgħu jissaħħu.
Huwa sostna li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti tal-PN għandhom jitjiebu, u li l-finanzjarjament tax-xandir irid isir iktar vjabbli.
Bezzina saħaq li jrid ikun hemm djalogu kontinwu bejn il-ġurnalisti u l-membri tal-PN, u għalhekk ippropona li jibdew isiru laqgħat mal-edituri u mal-ġurnalisti tal-Partit biex jifhmu biċ-ċar il-messaġġ politiku li l-Partit irid iwassal lill-poplu.
Madankollu, Bezzina appella wkoll lill-attivisti u lit-tesserati biex jinvolvu ruħhom fil-midja tal-Partit, u jxerrdu l-messaġġ tiegħu huma wkoll.
Skont Bezzina, dawn il-proposti, flimkien ma’ dawk ippreżentati l-ġimgħa l-oħra, għandhom iwasslu lill-PN biex isir partit iktar kredibbli, u wieħed li l-poplu jkun jista’ jafda.