​“Il-midja tal-Knisja ma tistax tkun newtrali” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-midja tal-Knisja ma tistax tkun newtrali għax għandha tkun iggwidata mit-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Huwa kien qed iwieġeb mistoqsijiet magħmula minn Reno Bugeja, Kap ta’ l-Aħbarijiet tal-PBS.
Fil-programm Dissett, l-Arċisqof Charles Scicluna spjega li hemm viġilanza fuq dak li jixxandar fil-midja tal-Knisja. Spjega ukoll li meta persuna tilmenta dwar xi ħadd partikolari, mill-ewwel jitlob li jitkellmu direttament mal-persuna li jsir ilment dwarha.
Meta Bugeja qal li l-Arċisqof Scicluna qed jieħu deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ nies differenti milli kien ħa l-Arċisqof Mercieca, l-Arċisqof Scicluna wieġeb mill-ewwel li huwa għandu kull dritt jieħu d-decizjonijiet tiegħu filwaqt li jirrispetta l-memorja tal-Arċisqof Mercieca.
Il-preżentatur tal-programm Dissett wera feature qasir biex bih jallega li r-ritratti tal-Prim Ministru li jidhru fuq Newsbook.com.mt jintgħażlu b’mod li l-Prim Ministru ma jidhirx tajjeb.
Ma hemmx bażi fl-allegazjonijiet tal-PBS
Id-diriġenti ta’ Newsbook.com.mt għamlu analiżi tar-ritratti tal-Prim Ministru li dehru fuq Newsbook.com.mt tul dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Minn din l-analiżi jirriżulta li r-ritratti kollha, ħlief għal tnejn, intbagħtu mill-Gvern jew mill-Partit Laburista stess.
Mill-istess analiżi tal-aħħar tliet ġimgħat jirriżulta li fuq Newsbook.com.mt dehru sittax-il ritratt tal-Prim Ministru filwaqt li tal-Kap tal-Oppożizzjoni dehru biss sitt ritratti.
Id-diriġenti ta’ Newsbook.com.mt qalu li dawn il-fatti juri li ma hemmx bażi fl-allegazzjoni li għamel il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS.
Ritratt: Arkivji – Ian Noel Pace