Il-midja soċjali tgħin fil-proċess tad-degradazzjoni tal-kelma – l-Isqof Grech

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mons. Mario Grech irrimarka li l-midja soċjali tgħin fil-proċess tad-degradazzjoni tal-kelma, għax fi kliemu tat lok biex il-bniedem ivenven mhux biss il-fake news imma wkoll kliem baxx u oxxen, tagħjir, kalunnji, kliem aggressiv u lingwaġġ vjolenti. 

Dan kien il-messaġġ ta’ Mons. Grech fl-omelija f’jum Santa Marija waqt quddiesa fil-Pjazza tal-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria.

Huwa stqarr li “qisu dak li jiswa llum hu kemm wieħed kapaċi jwassal leħnu u għahekk jiftaħ il-ħanxra u jgħajjat, jgħajjar, iweġġa’ u jaħraq lill-oħrajn”. 

Dwar il-gideb, l-Isqof Grech sostna li dan sar parti mill-ordni tal-ġurnata. Ta eżempji ta’ kif jintuża l-gideb, fost l-oħrajn biex wieħed jiddefendi lilu nnifsu, biex ikisser lil xi ħadd jew biex jaħtaf moħħ ħaddieħor għax ma jkunx jaqbel ma’ xi ħadd jew ma’ xi għażla. 

Fi kliem, l-Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex “il-bniedem jaf li l-qerq huwa arma qawwija li tmermer u tħassar individwi, familji, gruppi u soċjetà. Barra minn hekk, mhux daqshekk rari li l-istess giddieb jispiċċa jemmen il-gideb tiegħu nnifsu”. 

Is-skiet f’kultura ta’ gideb

Semma wkoll dik li tissejjaħ “il-gidba negattiva”, meta f’kultura ta’ gideb, wieħed jiskot għax is-sinċerità mhix apprezzata u xi drabi ppenalizzata. “Għalhekk wieħed jasal biex jiċħad il-verità billi ma jiddefendihiex”, saħaq Mons. Mario Grech. 

L-Isqof qal li meta l-bniedem jitlef il-kelma, ikun tilef is-sens tal-limitu, tad-drittijiet, tad-dmirijiet u saħansitra kull sens ta’ dinjità. Kompla jfisser li meta l-kelma tiddgħajjef issir “fluwida” u ddgħajjef ħafna affarijiet oħra: il-valur tal-ħajja umana, tal-familja u x’jagħmel il-ġid komuni. Saħaq li bil-logħob bil-kliem jibdew jisfaxxaw valuri kbar bħall-imħabba, is-sinċerità, l-onestà, il-mogħdrija u l-ġustizzja. 

Mons. Mario Grech irrimarka li “darba waħda, il-kelma kienet tfisser impenn, serħan il-moħħ, garanzija u ċertezza, iżda llum anke l-kelma msaħħa bil-ġurament tilfet il-qawwa tagħha”. 

Ħeġġeġ lill-poplu ta’ Alla biex jimita lill-Assunta, “li qatt ma bejtet ebda kelma mħassra f’qalbha u lanqas ħassret ħajjet ħadd… għax kienet tuża lingwaġġ li jerfa’ lill-bniedem, Marija ġiet merfugħa fis-sema”.

L-intelliġenza tal-qalb tiddistingwi lill-bniedem 

Mons. Grech appella għat-talb lill-Assunta biex malajr kemm jista’ jkun nintebħu li “l-intelliġenza razzjonali jew intellettwali waħedha mhix biżżejjed, imma hemm bżonn l-intelliġenza tal-qalb li tiddistingwi lill-bniedem”. 

Huwa saħaq li l-Kelma ta’ Alla hi l-uniku kriterju taż-żmien, “f’din il-kultura ta’ kliem battal, li jqanqal biss l-inċertezza u s-suspett, u fi żmien drammatiku mmarkat bi kriżi ekonomika u soċjali”. 

“Min jagħmilha mal-Kelma ta’ Alla huwa sinċier, ma jigdibx, ma joħloqx stejjer, ma jgħawwiġx il-fatti, ma jidħakx b’ħaddieħor, ma joffendix, ma jnissilx inċertezzi”, żied jgħid, filwaqt li nsista li hi l-Kelma ta’ Alla li tgħinna nibnu soċjetà aktar fraterna u solidali.