Il-midja Ingliża mwissija biex tħalli lil Harry u lil Meghan fil-kwiet

Ritratt: Mark Jones

Meta ħabbru li se jinħallu mill-irbit mal-familja Rjali Ingliża, Harry u Meghan kienu qed jittamaw għal ħajja ferm aktar kwieta, ’l bogħod mill-midja Ingliża.

Iżda bilkemm bdew il-ħajja tagħhom fil-Kanada fejn qed ifittxu post biex igħixu fih li bdew jiġu ppersegwitati minn bosta fotografi.

Kien għalhekk li issa avukati li jirrappreżentaw lill-koppja, bagħtu ittra lil xi ġurnali Ingliżi fejn wissewwhom li se jkunu qed jittieħdu passi legali jekk jixtru u jippubblikaw ritratti ta’ Meghan miexja bit-tarbija tal-koppja, Archie.

Jingħad li l-fotografi staħbew fl-iktar postijiet strambi, inkluż fl-arbuxelli, biex jieħdu ritratti tad-Dukessa ta’ Sussex miexja bil-klieb u bit-tifel.

Fotografi oħra ppruvaw jieħdu ritratti minn barra tat-twieqi tad-dar u ġibdu r-ritratti tal-koppja u binhom waqt li kienu fil-privatezza ta’ darhom.

Harry huwa determinat li ma jħallix lill-midja jittrattaw lil martu bl-istess mod li kienu jagħmlu ma’ ommu, il-Prinċipessa Diana, li mietet f’inċident tal-karozza waqt li kienet qed tiġi ppersegwitata mill-paparazzi fl-1997.