Il-midja b’linjigwida ġodda għar-rapportaġġ dwar vjolenza domestika

Linjigwida ġodda għall-midja lokali, inklużi l-ġurnalisti u produtturi tal-programmi, li ġew ippubblikati mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika se jkunu qed jassistu meta jsir rapportaġġ li jinkludi l-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Waqt it-tnedija tal-linjigwida, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli  inkoraġġiet lill-kmamar tal-aħbarijiet sabiex jagħmlu użu minnhom u jisfidaw il-mod tradizzjonali tar-rappurtaġġ.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ugwaljanza kien spjegat kif il-linjigwida jgħidu li r-rapporti tal-midja jistgħu jirriflettu b’mod aħjar il-vjolenza domestika u fil-familja f’Malta billi jinkludu numru ta’ fatti  u jużaw statistiċi riċenti u sorsi esperti.
Jinsistu wkoll dwar l-importanza li r-rapporti juru biċ-ċar li vjolenza sesswali qatt ma għandha tiġi skużata, hija xi ħaġa serja u trawmatika u tista’ tpoġġi f’periklu l-ħajja tal-vittma.
Il-linjigwida jsostnu wkoll li meta jsir rappurtaġġ bl-istejjer tal-vittmi, għandu jsir b’sensitività u ġudizzju tajjeb, filwaqt li jassigura li jipprovdi d-dettalji tas-servizzi ta’ sapport lokali.