Il-midja barranija mhix f’attakk sistematiku fuq Malta – Sant

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew u eks mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant f’post fuq Facebook ħeġġeġ lill-partitarji laburisti biex ma jassumux li l-midja internazzjonali qed tagħmel minn kollox biex tħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Sant qal li minkejja li fl-aħħar jiem isem Malta kien fuq fomm ħafna ġurnalisti minn madwar id-dinja, wieħed ma jistax jinnega li kien hemm diversi żviluppi mhux tas-soltu f’Malta. Żied li l-ġurnalisti se jiffukaw fuq dak li mhux tas-soltu meta jiktbu artiklu.

Il-Membru Parlamentari Ewropew qal li ħafna mill-ġurnalisti barranin kellhom interess li jpinġu kollox iswed. Din il-post fuq il-paġna ta’ Sant telgħet l-għada li l-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat f’intervista waqt il-maratona tal-Partit Laburista qalet li l-midja kienet kollha kontrihom.

Fl-aħħar xahar, Malta kienet fuq fomm il-midja barranija wara li kien hemm żviluppi fuq l-investigazzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.