​Il-“mibgħut” tal-Ażerbajġan fl-Istati Uniti

Dik li hija magħrufa bħala l-iskema tal-Laundromat tal-Ażerbajġan kienet tinkludi pagamenti li għaddew lin-negozjant Adil Baguirov li kien jaħdem biex jimbotta l-politika Amerikana favur l-interess tal-pajjiż Ażjatiku.
Fl-2013, Baguirov organizza konferenza fil-belt kapitali tal-Ażerbajġan Baku u li għaliha attendew għaxar membri tal-Kungress Amerikani. Din iż-żjara ġiet investigata mill-Kumitat tal-Etika, billi kienet finanzjata mill-kumpanija statali taż-żejt tal-Ażerbajġan.
Dan joħroġ minn rapport tal-Kriminalità Organizzata u l-Proġett li Jirrapporta dwar il-Korruzzjoni, li jispjega kif bejn l-2012 u l-2014, għaddew mat-€2.5 biljun minn din l-iskema ta’ ħasil ta’ flus.
L-iskema tal-Laundromat hija sensiela ta’ kontijiet bankarji marbutin flimkien u li jintużaw mill-iktar nies influwenti fl-Ażerbajġan biex jixtru affarijiet ta’ lussu, iħallsu lill-politiċi Ewropej jew biex jaħslu l-flus.
Dan ir-rapport jiżvela kif parti minn din is-somma flus, intużat biex tmexxi ‘l quddiem l-aġenda politika tal-Gvern tal-Ażerbajġan, fejn jingħad li xi flus spiċċaw fil-kontijiet bankarji ta’ politiċi Ewropej li faħħru r-reġim tal-President Ilham Aliyev, saħansitra waqt li r-reġim kien qed jarresta ġurnalisti u juża vjolenza kontra l-attivisti.
Persuna oħra li rċieva flus permezz ta’ din l-iskema ta’ ħasil ta’ flus, kien konsulent Amerikan ewlieni fil-qasam taż-żejt u l-gass li ħadem biex jinfluwenza l-politika tal-Istati Uniti favur l-Ażerbajġan.