Il-Papa dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali; jitħabbar tibdil fil-Kurja Rumana

Il-Papa Franġisku sostna li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali qegħdin hemm biex iressqu aktar nies lejn Ġesù Kristu.

Meta ndirizza lill-parteċipanti tal-assemblea plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, Papa Franġisku saħaq li l-għan tal-Knisja hu li tuża l-mezzi ta’ komunikazzjoni biex tidħol fi djalogu man-nies u tifhem il-bżonnijiet u d-dubji tagħhom. Għalhekk il-Papa Franġisku saħaq li l-Knisja trid tagħraf tistaqsi dwar jekk dawn il-mezzi hux qed iwasslu biex aktar nies jersqu lejn Alla.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li l-isfida hi biex bil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, wieħed jerġa’ jiskopri s-sabiħ tal-fidi, jiskopri l-paċi fil-qalb meta wieħed jifhem il-vjaġġ tal-eżistenza, filwaqt li dan ukoll billi jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu.

Il-Papa talab għall-parteċipanti kollha sabiex il-Mulej jimlihom b’ħeġġa u jgħinhom ħalli jkomplu jsostnu l-missjoni li Ġesù jkun imxandar mad-dinja kollha.

Intant, il-Papa Franġisku ħabbar ukoll numru ta’ bidliet f’karigi għolja ta’ diversi dekasteri tal-Kurja Rumana.