Il-Mexxejja tas-Sudan t’Isfel qablu fuq waqfien mill-ġlied

South Sudanese politicians shake hands at St- Egidio headquarters in Rome (AFP or licensors)

Il-Mexxejja Politiċi tas-Sudan t’Isfel qablu fuq Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied, li jevitaw aktar kunflitti armati u li jfittxu d-djalogu sa ma jaslu għall-ġaċi fil-pajjiż.

Is-Sudan t’Isfel hu l-aktar pajjiż ġdid fid-dinja u dan il-Ftehim intlaħaq wara li l-mexxejja tal-Gvern u tal-Partiti tal-Oppożizzjoni, ltaqgħu f’laqgħa fil-Komunità San Egidio f’Ruma.

Il-Ftehim għall-Waqfien mill-Ġlied ntlaħaq nhar it-Tnejn li għadda u l-mexxejja politiċi  tas-Sudan t’Isfel wiegħdu li jkomplu jaħdmu fuq il-proċess għall-paċi fil-pajjiż u ftehmu dwar waqfien mill-ġlied li għandu jidħol fis-seħħ mill-15 ta’ Jannar.

Appelli tal-Papa

Fi stqarrija ta’ għaxar punti, il-partijiet involuti qalu li jħossuhom onorati bl-appoġġ u bl-appelli kontinwi kemm spiritwali kif ukoll morali, tal-Papa Franġisku u l-Arċisqof ta’ Canerbury u mexxejja oħra tal-Knisja, bix waslu għal dan il-Ftehim.

Wara sena ta’ tentattivi falluti biex jintlaħaq ftehim u anke wara laqgħa mal-Papa Franġisku nnifsu fil-Vatikan f’April, il-President Salva Kiir u l-mexxej tar-ribelli Riek Machar, f’Diċembru qablu li jiffurmaw Gvern transitorju ta’ unità sa Frar li ġej, avolja għad fadal kwestjonijiet politiċi importanti li għadhom pendent.

Il-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied hu pass importanti  ‘l quddiem f’din id-direzzjoni.

Il-politiċi tas-Sudan t’Isfel b’dan il-ftehim affermaw ir-rieda tagħhom li jsaħħu d-djalogu li jwassal għar-rikonċiljazzjoni u stabilità billi jindirizzaw il-problemi ewlenin li wasslu għall-kunflitt fil-pajjiż.

Il-mexxejja qalu li huma konxji mit-tbatija bla precedent li għaddej minnha l-poplu tagħhom, kaġunat minn gwerra ċivili devastanti u mill-ħtieġa urġenti li jieqaf il-ġdid.

Talba għall-medjazzjoni

Il-mexxejja esprimew it-twemmin tagħhom li l-kunflitt fil-pajjiż jeħtieġ impenn politiku kbir  u qablu li jkomplu d-djalogu taħt l-awspiċi tal-Komunità San Egidio, f’konsultazzjoni u l-appoġġ ta’ organiżazzjonijiet reġjonali u l-komunità internazzjonali.

Il-firmatarji tal-Ftehim talbu lill-Komunità San Egidio biex isejjaħ laqgħa tal-Awtorità Intergovernattiva tal-Qarn tal-Afrika kemm jista’ jkun malajr u kkommettew ruħhom li “jħallu l-aċċess kontinwu  u bla tfixkil ta’ għajnuna umanitarja lil organiżazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, inkluż organiżazzjonijiet mhux governattivi, biex titaffa t-tbatija tal-poplu bħala konsegwenza ta’ snin ta’ ġlied u diżastri naturali.