Il-mexxejja tal-Knisja fil-Venezuela jappellaw għal azzjoni kontra t-traffikar uman

It-traffikar uman: pjaga li dejjem qed tikber

“Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Caritas, ħeġġew lill-awtoritajiet biex jinvestigaw u jressqu quddiem il-Qrati lil dawk responsabbli għat-traffikar uman, li jiggarantixxu lill-familji tal-vittmi aċċess dirett u bla tfixkil għall-forzi tas-sigurtà u l-Qrati fejn iressqu l-każi tagħhom u ssirilhom ġustizzja bla dewmien kif titlob il-Kostitutzzjoni u d-diversi strumenti għall-protezzjoni tad-drittijiet umani”.

Hekk qal f’messaġġ rappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, Mons. Roberto Luckert, Arċisqof Emeritus ta’ Coro u President tal-Kumissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela.

F’laqgħa mal-qraba ta’ 28 persuna li għebu mill-istat ta’ Sucre waqt li kienu qed jivjaġġaw fuq dgħajsa  għall-gżira ta’ Trinidad u Tobago  fiti-23 ta’ April li għadda, il-mexxejja tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi saru jafu li l-maġġoranza tal-persuni nieqsa kienu nisa li kienu offruti xogħol b’kudnizzjonijiet tajba.  F’Mejju dgħajsa oħra b’numru konsiderevoli ta’ nies, sparixxiet ukoll.

Nies jisparixxu

Il-membri tal-familji ta’ dawn in-nies ilmentaw li għalkemm kienu nfurmati li qrabathom, fil-parti l-kbira tagħhom nisa, kienu għerqu, il-katavri tagħhom għad ma nstabux u dawk li suppost qed jinvestigaw qatt ma tawhom risposti xierqa għad-domandi tagħhom.

“Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi osservat bi tħassib li dawn l-episodji qed jiżdiedu u mhux fil-Lvant tal-pajjiż imma anke fuq il-fruntieri mal-Brazil u l-Colombia fejn gurppi ta’ kriminali qed ipoġġu fil-periklu l-ħajja, l-inegritià fiżika u d-dinjità tal-mara, partikolarment tfajliet u bniet taħt l-età u b’hekk qed joħolqu ħafna ansjetà u disperazzjoni  fil-familji tagħhom, partikolarment f’numru ta’ tfal li qed jispiċċaw abbandunati”.

Il-Kummissjoni u l-Caritas, fi tmiem l-istqarrija tagħhom, sostnew li “se jibqgħu jsegwu dawn il-każi u jakkumpanjaw lill-membri tal-familji milquta, sakemm issir ġustizzja, tingħata informazzjoni sewwa u jkunu ċċarati dawn l-avvenimenti li fihom qed jgħibu n-nies.”