
Il-Kardinal Luis Antonio Tagle hu r-rigal tal-Filippini lill-Knisja Universali għax se jkun responsabbli mill-Evanġeliżazzjoni tal-Popli. Dan qalu l-Kap tal-Knisja fil-Filippini, f’ċerimonja li saret fil-Kattidral ta’ Manila nhar it-Tnejn li għadda.
L-Arċisqof ta’ Manila, issa nħatar Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli, wara li nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru l-Papa Franġisku kien ħabbar li poġġieh f’din il-kariga biex jieħu post il-Kardinal Fernando Filoni li issa sar Gran Mastru tal-Ordni tas-Sagru Sepurklu wara li l-Gran Mastru ta’ qablu rriżenja meta għalaq it-80 sena.
L-Arċisqof Romulo Valles, President tal-Konferenza Episkopal tal-Filippini fiċ-ċerimonja ta’ Tislima lil Tagle qal li hemm aktar minn raġuni waħda biex wieħed jifraħ flok ikun imdejjaq bil-missjoni ġdida fdata lill-Kardinal.
Rigal lid-dinja
“Irridu ngħidu lid-dinja li l-Kardinal Tagle hu r-rigal tal-poplu tal-Filippini lill-Knisja Universali u lil Ruma”, qal l-Arċisqof Valles, għall-applaws tal-isqfijiet, saċerdoti u l-kongregazzjoni miġbura.
“Aħna mdejjqa, imma naħseb li lkoll taqblu miegħi li wieħed mill-isbaħ rigali li għandha l-Knisja fil-Filippini, hi l-persuna tal-Kardinal”.
L-Arċisqof ta’ Davao ukoll qal li jqis lill-Kardinal Tagle bħala dak li “jġorr il-bandiera nazzjonali tal-fidi tal-poplu tal-Filippini madwar id-dinja”. “Ejja nitolbu biex il-Bambin ikompli jbierkek u jagħmlek ferħan fix-xogħol diffiċli li għandek”.
Fl-ikla tal-aħħar għall-Kardinal attendew aktar minn 90 Isqof li marru f’Manila minn madwar il-pajjiż kollu għal sessjoni plenarja tal-Konferenza tal-Isqfijiet.
Għerf li jdawwal
L-Isqof Pablo Virgilio David, Viċi President tal-Konferenza Episkopali faħħaril-kwalitajiet tal-kardinal Tagle. It-tnejn kienu s-seminarju flimkien
Hu qal li xi ħaġa li t-tnejn flimkien jaspiraw għaliha bħala studenti tal-filosofija kienu l-klassijiet tar-reviżjoni tal-lezzjonijiet li kien imexxi Tagle stess li kien kapaċi “jissimplifika ħsibijiet kumplikati. “Dik kienet rigal rari li kellu l-Kardinal. L-għerf tiegħu kien idawwal lill-oħrajn”.
Min-naħa tiegħu l-Kardinal Tagle ammetta li f’qalbu u f’moħħu kien għadu xi ftit konfuż li se jitlaq pajjiżu biex jibda missjoni ġdida.
Hu qal li darba kien fil-kappella biex ikellem lill-Mulej dwar din id-dilemma u fl-aħħar iddeċieda li jmur fejn jista’ jsegwi lil Ġesù, lill-foqra u lil min hu msallab. Il-Mulej urieni dik it-triq. U hemm fil-kappella bkejt u sibt il-paċi għax fl-aħħar mill-aħħar l-kriterju ewlieni li wassalni, kein is-Salib. F’mument minnhom waqt il-laqgħa, l-Isqfijiet daru mal-Kardinal u lkoll flimkien kantaw “You’ll never walk alone”.