Il-mexxejja tal-G20 jaqblu dwar tqassim globali ekwu għall-vaċċin

FILE PHOTO: A small bottle labeled with a "Vaccine" sticker is held near a medical syringe in front of displayed "Coronavirus COVID-19" words in this illustration taken April 10, 2020. REUTERS/Dado Ruvic/Illustration -/File Photo

Read in English.

Il-mexxejja tal-G20 wiegħdu li se jkunu qed jassiguraw li jkun hemm tqassim ekwu tal-vaċċin tal-coronavirus madwar id-dinja. Huma kkonfermaw ukoll is-sapport lill-pajjiżi foqra u li għandhom ħafna djun. Dan kien irrappurtat mill-ġurnal The Guardian ibbażat fuq komunikazzjoni mgħoddija lil AFP.

Skont rapport, il-mexxejja globali se jkunu qed jissapportjaw il-kummerċ multilaterali, kif ukoll il-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Madanakollu, id-dokument m’għandux dettalji biżżejjed dwar ħafna mill-problemi li ddominaw is-summit virtwali mmexxi minn Riyadh fl-Arabja Sawdija.

Is-summit ta’ jumejn beda lbieraħ hekk kif l-isforz internazzjonali qed jintensifika fil-maġġorparti tiegħu fejn jidħol it-tqassim tal-vaċċini tal-coronavirus.

L-Unjoni Ewropea inkoraġġiet lill-mexxejja li jifformaw parti mill-G20 biex jagħmlu tajjeb għall-bżonn ta’ $4.5 biljuni fil-proġett globali tal-vaċċini, it-testijiet u t-terapiji u l-faċilità ta’ COVAX għad-distribuzzjoni. Il-proġett iġib l-isem ta’ Access to COVID-19 Tools (ACT) Accelerator.

Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel qalet lill-G20 li l-Ġermanja qed tikkontribwixxi aktar minn €500 miljun għal dan l-iskop. Ħeġġet lill-pajjiżi l-oħrajn biex jaraw li jagħmlu l-parti tagħhom.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li tilef l-elezzjoni presidenzjali imma qed jirrifjuta li jammetti dan, indirizza lill-mexxejja tal-G20 fil-qosor qabel ma mar jilgħab logħba golf. S’issa, m’hemmx indikazzjoni jekk l-Istati Uniti hux se tkun qed tissapportja t-tqassim globali tal-vaċċin jew le.

Il-pandemija globali tat daqqa ta’ ħarta lill-ekonomija tant li qed twassal għal riċessjoni. Biex l-ekonomija tissaħħaħ kif suppost, hemm bżonn li jsir sforz globali.