Il-Mexxejja Reliġjużi fil-Kamerun jitolbu għal djalogu u l-paċi

Il-Mexxejja Reliġjużi Nsara u Musulmani tal-Kamerun qed isejjħu għal taħditiet ta’ paċi biex tintemm il-kriżi fir-reġjuni fejn il-poplu jitkellem bl-Ingliż, li qed jitolbu għall-indipendenza.
Il-mexxejja reliġjużi jgħidu li  din il-kriżi tista’ żżid it-tixrid tad-demm mill-ġlied tal-Bako Haram fit-Tramuntana tal-pajjiż kif ukoll il-kriżi fir-Republika Ċentrali Afrikana.
Fil-Katidral Kattoliku ta’ Yaounde, il-Kor Sant’ Anna, waqt servizz ekumenika kanta biex ikun hemm il-paċi fil-pajjiż. Għas-servizz attendew Kattoliċi u Musulmani. Fost dawk li attendew kien hemm l-Imam Chieck Mohamadou Muktar li qal li “kulħadd għandu japplika l-kmand ta’ Alla li ngħixu fil-paċi u f’armonija ma’ popli oħra, kullimkien u lkoll irridu nkunu ambaxxaturi tal-paċi”.
Ir-rappreżentant tad-denominazzjonijiet Pentekostali qal li “n-nies kollha tal-Camneroon jingħaqdu madwar mejda jfittxu l-paċi għax il-pajjiż ma jistax jiżviluppa jekk ikun hemm il-gwerra. Qed insejjaħ lill-mexxejja li għandhom pożizzjoni influwenti biex jifħu qalbhom għal Alla. Il-Cameroon għandu futur kbir. Ersqu lejn Alla u dan żgur ifejjaq lil artna u jkollna l-paċi”.
Sa minn meta kiseb l-indipendenza fl-1960, il-Cameroon ifaċċja sfidi kbar.  Iżda f’ dawn l-aħħar snin inqabad fir-rewwixta tal-Bako Haram lib diet fit-Tramuntana tal-pajjiż u nfirxet u baqgħet sejra sar-Republika Ċentrali Afrikana u issa bis-sejħiet għall-indipendenza minn diversi reġjuni.
Kmieni f’Ottubru li għadda s-separatisti iddikjaraw l-indipendenza fi stat li bdew isejħulu Amazonia u ddikjaraw lil Julius Ayuk Tabe, espert fit-teknooġija tal-informatika fl-Universita’ Amerikana tan-Nigerja, bħala l-President tagħhom.
Is-suldati separatist qatlu 12-il suldat u pulizija fiż-żewġ reġjuni li jużaw il-lingwa Ngliża.  Hemm min jgħid li nqatlu 20 u mhux 12-il suldat. Inqatlu wkoll numru ta’ separatist u numru ieħor kienu arrestati.  Il-President tal-pajjiż, Paul Biya ddikjara gwerra kontra dawn il-ġellieda li jqishom bħala terroristi.
Il-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati qal li qed jaħdem mal-Gvern tan-Niġerja u aġenziji oħra fuq pjan ta’ kontinġenza għal għajnuna umanitarja lil eluf ta’ persuni mill-Cameroon li qed jaqsmu lejn in-Niġerja minħabba l-ġlied bejn is-separatisti armati u s-suldati tal-Gvern.
Kemm in-Niġerja kif ukoll il-Cameroon qed jiġġieldu kontra l-Bako Haram li  ħolqu l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja li fiha mqatlu madwar 25,000 persuna u 2.5 miljun persuna oħra kellhom jaħarbu minn djarhom.
Is-saċerdoti qed isejjħu għal djalogu onest u sinċier bejn il-Gvern u s-separatisti biex jieqaf dak li jista’ jispiċċa bħal ġenoċidju.  Iżda l-President Biya qed isostni li mhux lest jiddjaloga mas-separatisti.