Filmat u Awdjo: Il-mexxejja politiċi f’wieħed mill-aħħar dibattiti bejniethom

It-Tlieta filgħaxija ttella’ wieħed mill-aħħar dibattiti bejn il-mexxejja politiċi.

F’atmosfera totalment differenti mill-aħħar dibattiti li saru fl-Università u fl-MCAST, Dr Lawrence Gonzi, Dr Joseph Muscat u Michael Briguglio kellhom iċ-ċans iwieġbu għal diversi mistoqsijiet fuq temi differenti li ddominaw il-kampanja elettorali.

Fil-ftuħ tad-dibattitu, il-mexxejja ġew mistoqsija fuq ir-raġunijiet għalfejn għandhom jingħataw il-fiduċja tal-poplu.

Il-Mexxej Laburista qal li min se jivvota għall-Partit Laburista, se jivvota għall-politika ġdida. Qal kif gvern Laburista se jkun kommess li jindirizza l-problemi tal-listi tal-istennija fl-isptar Mater Dei.

Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li gvern Nazzjonalista fil-ħames snin li ġejjin jkompli jinvesti fis-setturi tas-servizzi finanzjarji, tal-avjazzjoni u tal-manifattura filwaqt li jkompli jinvesti fl-edukazzjoni.

Iċ-ċermen tal-Alternattiva Demokratika qal li l-partit tal-ħodor irnexxielu jinfluwenza lill-partiti politiċi meta ma kienx fil-parlament, u li jekk ikun elett il-ħidma tagħhom tista tħalli impatt akbar.

Il-mexxejja politiċi ġew mistoqsija wkoll għalfejn il-kampanja elettorali bdiet pożittivament b’mod kostruttiv iżda spiċċat fi tfigħ ta’ tajn.

Fid-dibattitu kien hemm ftit minuti ta’ umoriżmu wkoll, meta kemm Dr Gonzi u Dr Muscat spjegaw ir-reazzjoni tat-tfal u tan-neputijiet tagħhom wara l-billboard tal-PN li ġab il-mexxejja politiċi b’wiċċhom miżbugħ bil-kuluri.

Matul id-dibattitu ġew diskussi wkoll temi bħall-immigrazzjoni irregolari, it-trasport pubbliku, il-kaċċa, il-qgħad u l-finanzjament tal-partiti.

Id-dibattitu sar f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan.

Ritratt: Daniel Balzan