Il-Mexxejja Nsara ma jistgħux jibqgħu jagħlqu għajnejhom għall-krudeltà

Membri ewlenin tal-knejjes Kattoliċi, Riformisti u Luterani fl-Ungerija ħeġġew lill-Isqfijiet tagħhom biex “ma jibqgħux jagħlqu għajnejhom” għat-traġedja tar-refuġjati fid-dawl ta’ azzjonijiet riċenti tal-Gvern fil-konfront tal-immigranti.
Is-silenzju tal-isqfijiet ġibed kritika qawwija u għalhekk membri ta’ dawn il-knejjes sejħu lilll-mexxejja tagħhom “biex jaqdu lil ħuthom u mhux lill-Istat u jkunu xhieda tat-tagħlim ta’ Kristu. Bis-silenzju tagħhom dawn il-knejjes saru kompliċi fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ksur ta’ liġi u vjolenza. Nittamaw li l-mexxejja tagħna fl-aħħar imexxu l-Knisja biex taħdem għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.”
F’ittra ffirmata minn aktar minn 400 lajk Kristjan jingħad li l-Liġi dwar l-Ażil li għaddiet riċentement mill-Parlament Ungeriż tispeċifika li r-refuġjati kollha, inkluż tfal mhux akkumpanjati minn adulti, għandhom jittieħdu f’żona tranżitorja fuq il-fruntiera mas-Serbja sakemm ikunu proċessati t-talbiet tagħhom għall-ażil u sadattant jitqiesu bħala “terroristiċi Iżlamiċi potenzjali”, meta fil-fatt ħafna minnhom ħarbu mill-vjolenza ta’ gruppi radikali.
Huma żiedu jgħidu li “aħna suppost niddefendu l-valuri ta’ pajjiżna u mhux il-biża’ u l-mibegħda għall-barranin, u messna qed nuru aktar solidarjetà soċjali”. Ħafna jsostnu li l-knejjes baqgħu siekta biex jiddefendu lilhom infushom meta fil-fatt qed jagħlqu għajnejhom għall-krudeltà u flok jemmnu fil-providenza u l-ħniena. “Qed inħallu lilna nfusna nitmexxew mill-ansjetà”, sostnew il-lajċi Kattoliċi.
Il-Gvern Ungeriż, immexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban, kien ikkritikat ħafna għall-bini ta’ reċinti tal-‘barbed wires’ u l-użu tas-suldati biex iwaqqaf il-wasla ta’ refuġjati fil-pajjiż. Is-sena li għaddiet l-Ungerija tat ażil lil 425 persuna biss mid-29,432 li applikaw biex jingħataw dan l-istat.
Filwaqt li l-gvernijiet tal-Punent ikkritikaw lill-Ungerija, l-Isqfijiet Kattoliċi baqgħu siekta. Għalhekk fl-ittra li ntbagħtitilhom mil-lajċi Kattoliċi qed ikunu mħeġġa biex jieħdu pożizzjoni favur ir-refuġjati u jagħmluha pubblika, filwaqt li jitolbu għall-foqra u l-ippersegwitati u dawk fil-bżonn.