Il-mexxejja Ewropej jaqblu fuq fond ta’ emerġenza ta’ triljun ewro

via Twitter

Read in English.

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu l-Ħamis filgħaxija biex jibnu fond ta’ emerġenza li jlaħħaq mat-triljun ewro biex jgħinu l-ekonomija tal-kontinent tirkupra mill-impatt tal-pandemija tal-coronavirus. 

Minkejja dan, wara laqgħa ta’ erba’ sigħat li saret permezz ta’ vidjo-konferenza, huma ma laħqux ftehim finali, u d-dettalji l-importanti jidher li se jiġu finalizzati fis-Sajf. Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tressaq, sas-6 ta’ Mejju, proposta ġdida għall-baġit fuq medda twila ta’ żmien u li jinkludi wkoll pjan ta’ finanzjament tal-irkupru ekonomiku. Dawn il-pjanijiet mistennija jinkludu inizjattiva għall-irkupru ekonomiku b’valur ta’ 2 triljun ewro.

Il-baġit multi-annwali minn dejjem kienet wieħed mill-aktar suġġetti jaħarqu fuq livell Ewropew, minkejja li l-valur tiegħu hu biss ta’ madwar 1% tal-produzzjoni ekonomika kollha tal-UE. Skont il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, mhux se jkun faċli li dan il-baġit jitkabbar, iżda ammetta li kien sar “progress kbir, li sa ftit ġimgħat ilu ma konnix nobsruh”.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron kellu ton inqas pożittiv u nnota li kient “għad fadal differenzi”. F’kummenti lill-midja Franċiża huwa insista li s-soluzzjoni ta’ self lill-pajjiżi ma taħdimx.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde qalet lill-mexxejja li l-pandemija tista’ taqta’ bejn 5% u 15% tal-produzzjoni ekonomika taż-żona ewro.

Pakkett immedjat ta’ nofs triljun ewro

Wara ġimgħat ta’ diskussjonijiet, proposti u naqqas ta’ qbil, il-mexxejja ftehmu fuq pakkett immedjat ta’ nofs triljun ewro biex jitħarsu l-impjiegi u n-negozji u biex jiġi offrut self bl-irħis lill-Gvernijiet. Iżda d-differenzi bejn l-Istati Membri baqgħu jinħassu hekk kif l-Olanda rrifjutat talba Taljana li jinħareġ dejn komuni. Il-PM Taljan Conte ppropona fond ta’ rkupru ta’ 1.5 triljun ewro li jipprovdi għotjiet lill-pajjiżi biex dawn jevitaw kollass ekonomiku u b’hekk ikun mhedded il-bqija tas-suq intern.

Conte hu rrapurtat li qal li “huwa essenzjali li jingħataw għotjiet għaliex emerġenza tas-saħħa issa saret emerġenza soċjali u anke politika”. Immedjata kienet it-tweġiba tal-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz li fuq Twitter sostna li pajjiżu kien lest iwieġeb għas-sejħa ta’ solidarjetà  iżda “dan isir permezz ta’ self”, pożizzjoni li ħadu wkoll il-pajjiżi Skandinavi.

Il-Kanċiellera Ġermaniża Angela Merkel jidher li pruvat tieħu pożizzjoni konċiljatorja u sostniet li “l-affarijiet imorru tajjeb għall-Ġermanja jekk imorru tajjeb għall-Ewropa”. Hi tat indikazzjonijiet li kienet lesta toffri pakkett ta’ appoġġ finanzjarju sa żewġ triljuni iżda riedet tara kif se jintuża qabel ma jsir dan l-impenn. F’kummenti lill-mezzi tax-xandir wara s-Summit, hija qalet li l-mexxija kienu qablu fuq it-twaqqif ta’ fond konġunt biex jiġi evitat kollass ekonomiku iżda ma kienx hemm qbil dwar id-dettalji.

Il-President tal-Kummissjoni Urrsula von der Leyen qalet li bejniethom il-pajjiżi kienu diġà kkomettew mal-1.8 triljun ewro biex irattbu l-impatt ekonomiku u li l-fond ta’ rkupru Ewropew kien se jkun ta’ madwar miljun ewro ieħor. Biex dan iseħħ, kull pajjiż ried jikkommetti madwar 2% tad-dħul nazzjonali, minn madwar 1.2% illum.