Il-mexxej ta’ Hong Kong tikkundanna l-vjolenza tad-dimostranti

Hong Kong Chief Executive Carrie Lam reacts at a news conference in Hong Kong, China, June 15, 2019. REUTERS/Athit Perawongmetha

Il-mexxej ta’ Hong Kong Carrie Lam ikkundannat dak li ddeskriviet bħala “użu estrem tal-vjolenza” mid-dimostranti li daħlu fil-parlament tat-territorju u vvandalizzawh it-Tnejn filgħaxija.

Skont il-BBC, attivisti okkupaw il-bini tal-Kunsill Leġiżlattiv (LegCo) għal sigħat sħaħ wara li infirdu minn protesta.

Il-mexxej organizzat konferenza tal-aħbarijiet wara li pulizija sparaw gass tad-dmugħ u keċċew lid-dimostranti.

Lam iddeskriviet ix-xena bħala waħda li ddejjaq u tagħti xokk lil ħafna persuni.

Kien ippjanat li jkun hemm dimostrazzjonijiet paċifiċi għat-Tnejn li ħabat mat-22 anniversarju mill-bidla fit-tmexxija ta’ Hong Kong minn waħda tar-Renju Unit għal waħda taċ-Ċina.

Normalment f’din il-ġurnata tkun organizzata mixja favur id-demokrazija – però l-avveniment ta’ din is-sena ġie wara ġimgħat ta’ taqbid fil-belt minħabba liġi kontroversjali tal-estradizzjoni. Il-kritiċi ta’ din il-liġi jibżgħu li dawk li jopponu l-politika ta’ dak iż-żmien jistgħu jintbgħatu lejn iċ-Ċina.