Aġġornata (Reazzjoni Gvern): Il-Mexxej Laburista jallega li ministru prova jeħles persuna minn ‘lock-up’

Aktar kmieni llum, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-mexxej Laburista Dr Joseph Muscat allega li ministru tal-gvern kien prova jinfluwenza lill-pulizija biex teħles persuna li kienet taħt ‘lock-up’. Allegatament dan sar b’telefonata.

Dr Muscat ma tax aktar informazzjoni u stieden lill-ġurnalisti biex jinvestigaw.

Qal ukoll li jekk kien hemm ministru li għamel dan, għandu jirrispondi hu.

Il-Mexxej Laburista qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet u kien qed jirrispondi għall-mistoqsija ta’ ġurnalist dwar il-kwistjoni tad-deputat mexxej Dr Toni Abela.

B’reazzjoni għal kummenti tal-Mexxej Laburista, fi stqarrija tal-Gvern, il-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jiċħdu l-allegazzjoni li għamel Dr Muscat.

Il-Gvern qal li l-Mexxej Laburista qed jipprova jiżvija l-attenzjoni minn fuq l-iskandlu li ġie żvelat dwar id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela li allegatament mar f’għassa tal-pulizija u sab Pulizija Laburist u talbu biex ma jmexxix dwar każ.