Il-mewt tat-tifla ta’ 14-il sena li xxokkjat pajjiż

It-tifla Awstraljana ta’ 14-il sena, li kienet il-wiċċ tal-kumpanija tal-kpiepel Akubra, neħħiet ħajjitha b’idejha wara li ġiet ibbulljata onlajn.
F’messaġġ emozzjonanti fuq Facebook, missier Amy ‘Dolly’ Everett appella għal aktar għarfien dwar l-ibbulljar. Madanakollu, Tick, ma tax dettalji. Qal biss li bintu riedet “taħrab mill-ħażen ta’ din id-dinja”.
Esprima t-tama li l-attenzjoni li kien hemm fuq il-mewt ta’ bintu l-ġimgħa l-oħra, “tkun ta’ għajnuna biex ma jintilfux iktar ħajjiet”.
Missierha stieden ukoll lill-bullies għall-funeral, biex jaraw dak li kkawżaw.
It-tifla kienet deskritta bħala qalbha tajba, li tħobb tieħu ħsieb l-annimali u tfal oħra fl-iskola li kienu inqas ixxurtjati minnha.
Anke Akubra ħarġu sejħa biex kulħadd jiġġieled kull forma ta’ bbulljar.
Wieħed minn kull ħamest itfal fl-Awstralja ġew ibbulljati fl-aħħar sena.