“Il-mewt tal-pazjent kien tort tas-sistema mhux l-infermier”

Miguela Xuereb

Il-mewt ta’ pazjent fl-Isptar Karin Grech fl-2012 ma kienx tort tal-infermier iżda kien tort tas-sistema. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt Paul Pace, il-President tal-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel.

Pace spjega kif meta pazjent jiġi ordnat li jkollu superviżjoni, din ġeneralment tkun tirrikjedi attenzjoni assoluta minn carer jew infermier. Qal li minkejja li l-isptarijiet ikunu mgħarrfa b’dan, ħafna drabi xorta jiddeċiedu li ma jimpjegawx biżżejjed carers sabiex ilaħħqu mad-domanda.

Il-każ speċifiku li rrefera għalih Pace imur lura għas-sentenza li nqatgħet f’Marzu li għadda meta infermier u assistent tiegħu nstabu ħatja tal-qtil involontarju ta’ pazjent fl-Isptar Karin Grech fl-2012, li kien faga għall-mewt hu u jiekol. Il-Qorti kienet qalet li minkejja li l-intenzjonijiet tagħhom kienu tajba, huma ma rnexxilhomx iwettqu xogħolhom.

Pace sostna li bħalissa, l-infermier qed jappella din is-sentenza. Irrimarka li matul is-snin fil-Qorti, l-infermier li hu raġel tal-familja spiċċa sabiex nefaq mas-€70,000 f’miżati għall-avukati u l-proċedimenti fil-Qorti. Spjega li jekk il-Qorti tal-appell ma tagħrafx li t-tort huwa tas-sistema u mhux tal-infermier innifsu, l-infermier jista’ jispiċċa jitlef il-warrant tiegħu, kif ukoll jispiċċa f’riskju ta’ kawża ċivili quddiem il-Qorti tal-Familja. Sostna li hemm riskju kbir li ħajjet dan l-infermier u anke familtu, tiġi rrovinata kompletament minħabba nuqqasijiet tas-sistema nnifisha.

“Tort ta’ Steward jew tal-Gvern”

Pace insista aktar minn darba li infermier ma jistax jagħmel il-mirakli u jrid jara li jqassam ħinu ma’ kull pazjent kif inhu meħtieġ. Qal li ma jistax ikun li jkollok infermier wieħed ma’ grupp li fih ikun hemm aktar minn pazjent wieħed li jkollu bżonn attenzjoni assoluta (one-to-one). Qal li n-negliġenza mhux ġejja mill-infermiera iżda ġejja minn Steward Health Care jew il-Gvern li qed jarawha bi tqila biex iħallsu għal aktar carers. Spjega li l-istituzzjonijiet qed iħaddmu carers żejda għal dawk il-pazjenti li t-tobba jordnawlhom din l-attenzjoni. Qal iżda li l-istess pazjenti li jkollhom din l-ordni iżda mingħand xi fiżjoterapista jew professjonista ieħor li mhux tabib, qed jitħallew mingħajr carer. Sostna li l-liġi tgħid li dawn iż-żewġ ordnijiet għandhom jitqiesu bħala ugwali.

X’kien il-każ tal-2012?

Il-vittma li kellu 64 sena, kien ibati bid-dimensja, u għalhekk, kellu jkun hemm xi ħadd miegħu meta jiekol. Huwa kien qed jirkupra fl-isptar meta faga hu u jiekol tiġieġa, u nstab rasu ’l isfel mal-art fil-kamra tal-banju wara li sparixxa mis-sala li kien fiha.

Peress li l-vittma kellu problema biex jomgħod, huwa kien ingħata dieta ta’ ikel artab. Tawh it-tiġieġ ftit qabel ma faga, fiż-żmien li r-regoli tal-isptar kienu jqisu t-tiġieġ ikel artab. Il-Qorti semgħet li t-tiġieġ kien tajjeb għall-pazjent ġaladarba jkun mgħaffeġ u jkun hemm xi ħadd mal-pazjent hu u jiekol.

Ir-raġel kien qiegħed l-isptar biex jirkupra minn puplesija. B’hekk kien qed ibati biex jomgħod u jbati bid-dimensja. L-armla tar-raġel kienet qalet fil-Qorti li kemm-il darba sabitu jiekol waħdu. Tabib qal lill-mara tal-vittma li lir-raġel sabuh madwar 90 minuta wara li miet, mentri l-Qorti qalet li ma kienx hemm evidenza għal din l-istqarrija, peress li l-evidenza tgħid li hu nstab mejjet bejn 30 u 40 minuta wara li tawh l-ikel, jiġifieri f’12pm. Mas-sodda tar-raġel kien hemm nota li tgħid li għandu jkun bilqiegħda biex jiekol u għandu jkun akkumpanjat minn xi ħadd.

Iż-żewġ infermiera kellhom sitt pazjenti x’jieħdu ħsieb, fosthom il-vittma. Dan ifisser li kienet impossibbli li jkun hemm infermier li jagħti attenzjoni assoluta lil pazjent wieħed. Minkejja dan, il-Qorti qieset il-fatt li l-pazjent kien tħalla jiekol waħdu bħala negliġenza. Il-Qorti qalet li l-infermier kien negliġenti għax ma aċċertax ruħu li l-vittma kien kiel, u jekk iva, li ħadlu l-platt. Huwa ammetta li ma ċċekkjax jekk il-pazjent kienx kiel u minflok assuma li dan kien kiel. Il-Qorti sejħitlu traskurat, negliġenti u irresponsabbli, għax minħabba għemilu, pazjent li kien ġie fdat fil-kura tiegħu, spiċċa tilef ħajtu.

Intant, il-Qorti kienet qalet li l-kap infermiera kienet wettqet l-irwoli tagħha perfettament skont il-Qorti u assigurat li kull pazjent kien allokat infermier u assistent infermier. Liż-żewġ irġiel il-Qorti sabithom ħatja ta’ omiċidju involontarju u nnutat ir-raġunijiet għall-iżball tagħhom. L-infermier kien qed jieħu ħsieb student infermier meta miet ir-raġel u l-assistent infermier kien qiegħed jitma’ lil pazjent li kien iżjed vulnerabbli mill-vittma.

Il-Maġistrat qalet li xejn ma seta’ jsewwi l-ħsara kkawżata mill-mewt tal-vittma għall-familja tiegħu. Għalhekk, il-kastig kellu juri n-negliġenza tal-ħatja, li skontha, ma kienx ħaqqha sentenza tal-ħabs.

Filwaqt li l-kap infermiera kienet tneħħitilha kull ħtija, l-infermiera ngħataw multa ta’ €4,000 għall-assistent infermier u €7,000 għall-infermier. Huma kellhom iħallsu wkoll l-ispejjeż tal-Qorti biex taħtar esperti, li ammontaw għal €1,644.